Ugwaljanza għall-ħmir u oħra għall-ħnieżer

    Għall-ħnieżer li kienu jmexxu r-razzett Orwelljan il-kelma ‘ugwaljanza’ kienet tfisser li filwaqt l-annimali huma kollha ugwali, ċertu annimali huma iktar ugwali mill-bqija. Ovvjament, la kienu jmexxu l-ħnieżer, l-annimali l-iktar ugwali ma kienu ħadd ħlief l-istess ħnieżer. Allura dawk imwielda ħmir kien ikollhom iħallsu sal-inqas ċenteżmu taxxa filwaqt li l-ħnieżer setgħu jkollhom karus moħbi f’razzett Panamensi fejn jaħżnu l-għalf tal-korruzzjoni.

    Dawk fost il-ħmir li kienu jazzardaw jinħqu b’rabja malajr kienu jixluhom li qed ikunu negattivi u li bil-naħqa tagħhom qed jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni tar-razzett. Il-ħnieżer kienu jinqalgħu ħafna biex jikkonvinċu ’l-maġġoranza tal-annimali l-oħra u dawn dlonk kienu jduru kontra l-ħmir u bis-sewwa jew bid-dnewwa jsikktuhom. L-agħar li kienu jmorru f’din l-istorja kollha kienu l-fniek li kienu jispiċċaw moqlija fit-tewm u mtektka fiz-zalza biex jittieklu mill-klieb imħallsa biex joqogħdu għassa b’għajn waħda magħluqa għall-għemejjel tal-ħnieżer.

    Għall-ħames snin li ġejjin il-kelma ‘ugwaljanza’ fl-Unjoni Ewropea se tkun personifikata fil-Kummissarju Helena Dalli, li sa ftit ilu kienet Ministru tar-razzett ta’ Malta. Ilbieraħ qattajt ftit ħin naraha tkun intervistata mill-Parlamentari Ewropej. M’iniex se nuża l-kelma grilling għal dak li rajt ilbieraħ. Onestament, inħoss li anke ‘intervista’ hija kelma kbira wisq għax l-eżamijiet orali li kien ikolli l-iskola sekondarja wkoll kienu jkunu aktar ebsin. Ibda biex, ebda għalliem milli kelli ma kien se jħallini ndaħħal miegħi r-risposti miktubin biex xħin jistaqsini, kemm naqrahomlu!

    Kif mistenni, il-Parlamentari Ewropej staqsew lill-eks Ministru Maltija dwar l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Jgħidu li naħqa ta’ ħmar qatt ma telgħet is-sema imma, milli jidher, sa Brussell tasal. Dalli tat daqqa t’għajn x’kellha miktub u dlonk weġbithom li hi kienet tagħmel l-affarijiet “totalment differenti”.

    “Differenti, kif?” staqsejt jien minn fuq is-siġġu tal-kċina.

    Kieku Dalli kienet qed tagħmel intervista biex tidħol imqar skrivan mal-Gvern ibqgħu żguri li din il-mistoqsija kienet issirilha minnufih. Imma x-xogħol ta’ Kummissarju Ewropew mhux ugwali għal dak ta’ skrivan mal-Gvern! Bix-xieraq li biex tidħol skrivan mal-Gvern l-intervista tkun aktar diffiċli minn dik biex issir Kummissarju Ewropew għax għal tal-ewwel japplikaw il-ħmir, filwaqt li tat-tieni hija riservata għall-ħnieżer Orwelljani.

    Allura ħadd mill-Ewro-Parlamentari m’azzarda jistaqsi l-ovvju u ħallewni b’kurżità kbira jekk Dalli kinetx twieġeb li post Mizzi u Schembri huwa barra mill-politika jew jekk kinetx tgħid li dawn jixirqilhom nomina għall-medalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika. Lanqas ħadd m’azzarda jagħti daqqa t’għajn ’il-kurrikulu ta’ Dalli biex jinnota li f’kemm-il vot ittieħed fil-Parlament Malti hija qatt ma vvotat b’mod differenti minn Muscat u l-bqija dwar l-iskandlu tal-Panama. Lanqas ħadd ma indenja ruħu jittawwlilha fuq il-paġna tal-Facebook biex jara jekk hix miżgħuda stqarrijiet ta’ kundanna jew jekk hix imballata ritratti tagħha mgħannqa mal-protagonisti tal-istess skandlu.

    Kieku għamlu dan id-daqsxejn ta’ eżerċizzju kienu jindunaw li l-wiċċ ġdid Ewropew tal-ugwaljanza u t-twemmin tal-ħnieżer tar-razzett ta’ Orwell huma għalkollox ugwali.

    Meta xi ħmar bħali kien joqgħod jinħaq biex fir-razzett tagħna l-affarijiet isiru differenti, u biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika, kulma kienet tagħmel il-Ministru Helena Dalli kien li tkompli mal-litanija ta’ kemm aħna ħmir negattivi u kemm aħna l-ħmir missna nistħu li bi kliemna qed nagħmlu ħsara lir-razzett Malti.

    Il-verità hi li l-uniku ħaġa “totalment differenti” li kienet lesta tagħmel Dalli hija li tibdel id-diska biex tkun tista’ tieħu postha f’razzett ikbar, isbaħ u li jħallas bosta iktar; razzett li fih hi se tkun annimal ferm iktar ugwali, saħansitra iktar ugwali mill-aktar annimali ugwali.