Turiżmu out-of-covid (it-tieni parti)

    Se jiftaħ l-ajruport f’Lulju, iżda dan waħdu mhux se jserrħilna rasna la li ġejjin it-turisti u lanqas li dan mhux se jipprovoka mewġa oħra tal-virus f’Malta.

    Fl-aħħar blogg tħadditna dwar kif is-suq tat-turiżmu għal Malta mistenni jiċkien għax se jikber it-turiżmu intern fl-Ewropa u jonqos it-turiżmu cross-border. Illum nixtieq naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi minn dak li qed nara jiżviluppa fl-Ewropa u kif dan se jolqotna f’Malta u Għawdex.

    BENELUX u l-Ġermanja jiftħu l-fruntieri

    Din il-ġimgħa l-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Lussemburgu fetħu l-fruntieri bejn xulxin. Il-highways li kienu kważi deżert sa ġimagħtejn ilu llum mimlija karozzi u fil-weekends se jkunu aktar u aktar. Dawn l-istess highways se jkunu l-mezz ewlieni ta’ vjaġġar fl-Ewropa dan is-sajf. Sas-sena l-oħra l-Ewropej diġà kienu jsiefru aktar bil-karozza (65%) milli bl-ajru. Din is-sena dak il-persentaġġ se jikber. Il-karozza tkun tiegħek jew mikrija – għandek il-lussu li tkun waħdek jew mal-familja, mhux ma stranġieri li kapaċi jgħaddulek il-virus. Dan is-sajf dan il-fattur se jilgħab parti fundamentali fid-deċiżjonijiet ta’ ħafna mit-turisti Ewropej. Liema għażla hija l-aktar sikura ‘covid-wise’?

    Propju minħabba dan, pajjiżna ma jistax biss jiftaħ l-ajruport u jittama li jibdew ġejjin it-turisti bil-gzuz mingħajr strateġija. Nibdew biex, illum aktar minn qatt qabel jaqbel għal pajjiżna li nattiraw lejna turist li jħalli aktar soldi fil-but tal-ekonomija Maltija. It-tieni, għadha kif telqet il-kompetizzjoni bejn is-swieq turistiċi tad-destinazzjoni li l-aktar isserraħ ras it-turist fir-rigward tal-covid-19. Din il-kompetizzjoni se jirbaħha min juri li qed jieħu l-miżuri effiċjenti u f’waqthom biex ixejjen ir-riskju tal-covid-19 lit-turist.

    Malta qiegħda tard

    Malta diġà qiegħda tard. Il-Greċja ġriet fil-headlines ta’ ħafna ġurnali barranin bl-aħbar li jiġu ttestjati t-turisti kollha li jaslu l-Greċja għall-covid-19. Din mhix l-unika miżura possibli, u forsi mhix l-aktar waħda effiċjenti lanqas. Nemmen li l-miżuri magħżula jeħtieġ jiġu deċiżi biss wara eżami serju minn professjonisti tas-saħħa u s-sigurtà. Il-punt ewlieni tiegħi huwa li s-sitwazzjoni preżenti teħtieġ approċċ aktar studjat u professjonali minn dak li qed naraw attwalment f’Malta.

    Naħseb pajjiżna għamel biċċa xogħol tajba ħafna fl-immaniġġjar tal-virus grazzi għall-ħidma fejjieda tal-frontliners Maltin fosthom is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci u t-tim tagħha. Issa jeħtieġ li dak l-approċċ professjonali u bbażat fuq ix-xjenza u l-għarfien nestenduh għad-deċiżjonijiet li għandna nieħdu biex nerġgħu niftħu l-ekonomija Maltija.

    Ma hemmx serħan il-moħħ

    Il-Prim Ministru Abela ddikjara li l-ajruport se jinfetaħ fl-1 ta’Lulju. Immedjatament qal ukoll li mhux se jsiru kontrolli għall-virus fuq it-turist. Ma semma l-ebda miżura oħra biex isserħilna rasna jew biex iserraħ ras it-turist fir-rigward tal-covid. Għalija li bħal ħafna qed insegwi minn barra nieħu l-impressjoni li dawn id-deċiżjonijiet il-Prim Ministru qed jeħodhom minn żniedu, ibbażat fuq konvenjenza politika jew sentiment personali aktar milli fuq fatti u pariri xjentifiċi.

    Biex noħorġu lil Malta minn sitwazzjoni ekonomika delikata jeħtieġ naħdmu aħjar. Fil-blogg li jmiss se naqsam magħkom aktar informazzjoni dwar miżuri fuq monitoraġġ tal-covid u t-turiżmu.

    Dr Peter Agius, Espert tal-Unjoni Ewropea, Kandidat tal-PN għall-Elezzjoni Ewropea.