Tuna lura l-isptarijiet tagħna

    Ma nistax ma nitkellimx magħkom dwar l-iskandli ta’ dan il-Gvern u partikolarment dwar skandlu ieħor ta’ korruzzjoni sfrenata għar-rigward ta’ settur li jolqotna mill-qrib. Qed nitkellem dwar is-settur tas-saħħa, u l-mod kif il-Gvern innegozja ma’ Vitals Global Healthcare kuntratt ma’ nies li sal-lum għadu ħadd ma jaf min huma.

    Wieħed irid jistaqsi fejn marru l-50 miljun li l-Gvern ta lill-Vitals mill-flus tal-poplu Malti, liema flus ħadd ma jaf x’sar minnhom.

    Dak li kixfet il-media indipendenti dwar dan il-każ ta’ korruzzjoni huwa xokkanti. Il-media żvelat struttura sigrieta f’Dubja, li tinvolvi lill-Ministru Konrad Mizzi, u li allegatament f’din l-istruttura qed jgħaddu miljun minn kont għall-ieħor… li rridu naraw fejn marru. Agħar minn hekk, il-Vitals m’għamlu assolutament xejn għal pajjiżna, u f’Għawdex ħallew ħofra warajhom.

    U biex ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita, il-Gvern ħalla lill-Vitals imorru u jinnegozjaw ma’ ħaddieħor dwar lil min jistgħu jingħataw l-isptarijiet tagħna.

    Imma issa, qabel ma joħorġu mix-xena, ġiet innegozjata biċċa oħra. Għaliex issa għandna kumpanija waħda – jisimha ‘Technoline’ – u li se tibda titqabbad b’direct order biex tipprovdi s-servizzi, l-mediċini u l-apparat kollu meħtieġ għall-isptarijiet involuti. U jekk ikun hemm ħtieġa ta’ xi kumpaniji oħra iktar speċjalizzati, it-Technoline se tkun qed tieħu l-commissions talli tintroduċihom.

    Quddiem dan kollu, naqbel ma’ kliem il-Kap tal-PN Adrian Delia li ddeskriva din is-sitwazzjoni bħala ‘agħar mill-korruzzjoni’. Flus il-poplu qed jintremew bl-addoċċ waqt li l-Gvern jixxaħħaħ ma’ min veru għandu bżonn, bħal pereżempju tfal u persuni dijabetiċi li ħajjithom tkun ferm aħjar jekk il-Gvern jagħtihom iktar mediċini u apparat – bħall-pereżempju l-‘Continuous Glucose Monitors’. Għal dawn, m’hemmx flus. Imma biex nisirqu l-flus, ma jimpurtax.

    Il-Ministru Chris Fearne qed iżomm ‘il bogħod minn dan kollu. Imma fil-kariga li jokkuppa, jeħtieġ li jagħmel ferm iktar. L-istess iridu jagħmlu d-deputati tal-Gvern. Jeħtieġ li ma jibqgħux siekta quddiem dawn l-iskandli. Aħna se nkomplu nistennew ġustizzja, fost oħrajn permezz tal-Qrati biex pajjiżna u l-poplu tagħna jerġgħu jieħdu lura f’idejhom l-isptarijiet tagħhom.

    Francis Zammit Dimech huwa MEP Nazzjonalista