Trid tara l-istorja kollha, u mhux inċident wieħed biss!

    Nhar il-25 ta’ Settembru 2015, il-Qorti Kostituzzjonali, ippreseduta mill-S.T.O. Prim Imħallef Silvio Camilleri u magħmula minnu flimkien mal-Onor. Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Onor. Imħallef Noel Cuschieri, qatgħet is-sentenza fil-kawża kostituzzjonali fl-ismijiet Il-Pulizija vs Carmel Ellul Sullivan, Patrick Pellegrini u Sebastian Dalli.
    Fl-14 t’April 2010, Carmel Ellul Sullivan, Patrick Pellegrini u Sebastian Dalli kienu jinsabu imputati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Id-difiża dakinhar qajmet punt ta’ natura kostituzzjonali fejn qalet illi jekk xi xhieda ma jerġgħux jinstemgħu, l-imputati ma jistax ikollhom smigħ xieraq skont kif ipprovdut mill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea (id-dritt għal smigħ xieraq). Ir-raġuni għala tqajjem dan il-punt kienet li oriġinarjament, dawn ix-xhieda ma kinux xehdu bil-fomm quddiem il-Qorti stess, iżda kienu saru diversi depożizzjonjiet fejn ittieħdet ix-xhieda u l-Qorti sempliċiment qrat it-traskrizzjonijiet, u dan għax kien hemm xhieda li jgħixu barra minn Malta u ma dehrux personalment quddiem il-Qorti biex jixhdu. Id-difiża qalet illi skont il-liġi, il-Qorti għandha tisma’ lix-xhieda viva voce sabiex il-ġudikant ikun jista’ jagħmel il-valutazzjoni tiegħu sabiex jevalwa l-imġiba u l-karattru tax-xhud. Il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali opponew it-talba tal-imputati billi qalu illi l-imputati kienu sempliċiment qegħdin jippruvaw itawlu l-każ u li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fis-sentenzi fl-ismijiet Pitkänen v. Finland u P.K. v. Finland, kienet aċċettat li s-smigħ ta’ xhieda mhux viva voce ma jiksirx id-dritt għal smigħ xieraq. Minkejja dan, il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba u tat digriet fejn bagħtet l-atti tal-każ lir-Reġistratur tal-Qrati sabiex tinbeda l-kawża kostituzzjonali.
    Il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qalu lill-Qorti Kostituzzjonali, fost affarjiet oħrajn, li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tesiġi li jkun jeżisti rimedju u li tali rimedju jkun effettiv, imma mhux li l-użu tal-istess rimedju neċessarjament ikollu eżitu pożittiv għal dak li jallega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Intqal ukoll li fi kwalunkwe każ, Ellul Sullivan, Pellegrini u Dalli dejjem setgħu jappellaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati. It-tielet punt notevoli miġjub mill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali kien illi sabiex jiġi eżaminat sewwa jekk kienx hemm verament smigħ xieraq, l-iter ġuridiku jrid jittieħed b’mod sħiħ u mhux li jkun allegat ksur ta’ drittijiet fundamentali abbażi ta’ ċerti mumenti u ċerti partijiet tal-proċeduri legali biss.
    Il-Qorti Kostituzzjonali nnutat is-sentenza appellata tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali) fejn din qalet illi f’każijiet bħal dan, il-Maġistrat li jkun se jasal għas-sentenza fil-kriminal għandu aċċess għal verbali dettaljati kif ukoll għat-traskrizzjonijiet. Dan hu differenti milli kieku l-ġudikant jasal għas-sentenza mingħajr ma jkun sema’ l-provi. L-ewwel qorti qalet illi l-liġi Maltija hija tant sensittiva għal dan illi fil-kamp tal-appelli kriminali, l-istess xhieda li jkunu xehdu fil-prim’istanza jerġgħu jixhdu fl-appell kriminali. L-ewwel qorti nnutat ukoll illi għalkemm dak li ntalab huwa mixtieq, mhux dejjem hu possibbli.
    L-appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kien jikkonsisti f’diversi ilmenti (aggravji), fosthom illi s-sentenza tal-istanza preċedenti kienet nulla billi naqset milli twieġeb jekk kienx hemm ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, u minflok, ċaħdet l-ilmenti tagħhom b’mod ġenerali. Aggravju ieħor kien dak fejn ġie ripetut li jekk ix-xhieda ma jerġgħux jinstemgħu, allura jkun hemm ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, filwaqt li aggravju ieħor kien li l-ġurisprudenza kkwotata mill-ewwel qorti kienet irrelevanti għall-materja tal-każ. Dawn huma biss tlieta minn tmien aggravji li tressqu minn Carmel Ellul Sullivan.
    L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija talbu lill-Qorti Kostituzzjonali sabiex tiċħad l-aggravji tal-appellanti.
    Il-Qorti Kostituzzjonali eżaminat l-aggravji tal-appellanti, u fir-rigward tal-aggravju ta’ Ellul Sullivan fejn dan ilmenta li l-qorti tal-ewwel istanza naqset milli tkun preċiża fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali qalet illi ladarba Ellul Sullivan qed jippretendi daqshekk preċiżjoni mill-Qorti, ikun tajjeb li jiġi eżaminat jekk hu stess kienx daqshekk preċiż dwar ir-referenza li kienet saret mill-Qorti tal-Maġistrati. Finalment, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet dan l-ewwel aggravju.
    Ir-raba’ aggravju ta’ Ellul Sullivan kien tali wieħed li sostna li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq kien ġie vvjolat minħabba li hu ma kienx ġie notifikat bir-riappuntament tal-kawża. Irriżulta li fil-fatt, in-nota ta’ osservazzjonijiet tal-Gvern kienet ġiet notifikata lill-avukati ta’ Ellul Sullivan li mbagħad kellu lussu ta’ żmien biex jagħmel nota ta’ osservazzjonijiet responsiva, iżda minkejja li kellu madwar sitt xhur żmien, għamilha biss jumejn qabel id-data meta kellha tingħata s-sentenza. Il-possibilità li jagħmel dan kienet tidher ċara fil-fatt li l-appellant l-ieħor, Sebastian Dalli, għamel nota ta’ osservazzjonijiet responsiva ħames xhur qabel għamilha Ellul Sullivan. Il-Qorti hawn qalet li kien id-dmir ta’ Ellul Sullivan, bħala persuna li allega li ġew miksura d-drittijiet fundamentali tiegħu, li juri diliġenza speċjali fid-difiża tal-interessi tiegħu, li jsegwi l-andament tal-każ u li jżomm kuntatt mal-avukati tiegħu.
    Dwar id-dritt għal smigħ xieraq, il-Qorti nnutat illi l-fatt li nbidel il-maġistrat ma jfissirx illi ġie vvjolat id-dritt għal smigħ xieraq billi l-maġistrat il-ġdid ma semax ix-xhieda personalment. Billi dan huwa każ ta’ referenza kostituzzjonali waqt kawża kriminali, l-istadju tal-kawża kriminali huwa wieħed fejn il-prosekuzzjoni għalqet il-provi u jmiss issa lid-difiża sabiex tressaq il-provi tagħha.
    Il-Qorti nnuntat ukoll li filwaqt li l-prinċipju tal-immedjatezza huwa wieħed importanti, huwa ugwalment importanti u forsi iktar urġenti l-prinċipju li biex jiġi eżaminat sewwa jekk hemmx vjolazzjoni, wieħed irid jara l-istorja sħiħa tal-każ, u mhux jibbaża l-ilmenti tiegħu fuq episodji u mumenti speċifiċi kkunsidrati waħedhom.
    Finalment, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appelli kemm ta’ Ellul Sullivan kif ukoll ta’ Dalli u għalhekk ma sabet ebda ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Issa li ntemmet din il-proċedura, il-każ jitkompla quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sabiex jiġi eżaminat jekk Ellul Sullivan, Dalli u Pellegrini humiex ħatja tal-akkużi mressqa kontrihom.
    Nota: L-awtur tratta biss l-iktar punti li fl-opinjoni tiegħu, kienu ta’ interess. Kien impossibbli li tiġi trattata kull rokna tas-sentenza minħabba t-tul tas-sentenza u l-kumplessità tal-każ.