Tmut għas-sewwa

    Il-politika mhijiex xi professjoni jew uffiċju jew bniedem/ bniedma aħjar minn ħaddieħor. Il-politika hija vokazzjoni li wieħed għandu dritt li jilleġiżla, liema dritt ġie mogħti lilu jew lilha mill-elettorat, fil-każ tagħna, l-elettorat Malti u Għawdxi. Fil-fatt nemmen li kull politiku għandu jkollu l-lealtà tiegħu lejn l-elettorat, l-ewwel u qabel kollox.

    Il-poplu tagħna  fil-maġġoranza tiegħu, u f’kull pajjiż fid-dinja b’mod inġenerali  dejjem xtaq is-sewwa. Almenu kulħadd jippriedka s-sewwa. Kulħadd jaħdem għall-ġustizzja soċjali u fuq kollox kulħadd jirrabja għal politiċi meta dawn jaħsbu biss għal buthom, neputiżmu sfrenat u jinqabdu f’diversi stejjer imċappsa bil-korruzzjoni. Xi wħud għandhom it-tendenza li jitfgħu lill-politiċi fl-istess keffa. M’ilux smajt statement ta’ persuna, liema statement bqajt naħseb dwaru u kważi kważi weġġagħni. Is-sinjur jitfa’ lill-politiċi, lill-iżviluppaturi u lill-pedofli fl-istess keffa, fl-istess linja.

    Qabel xi elezzjoni ġenerali, bosta jinteressaw irwieħhom li jsegwu l-manifesti elettorali, b’diversi inizjattivi ġodda li jfissru progress. Ma jonqosx kliem li jispikka f’kull manifest elettorali bħal “Governanza Tajba”, “Meritokrazija” u “Ġid komuni” fost kliem sabiħ ieħor. Għaliex il-bniedem minnu fih jaf li l-poter jikkorrompi u l-poter assolut jikkorrompi b’mod assolut.

    Il-partiti politiċi fil-Gvern sa minn dejjem pruvaw jagħtu tama, biex il-politika lokali tkun normali u l-abbużi jittrażżnu. Jeħtieġ li nibżgħu għal xulxin, anki aħna l-politiċi, għax meta l-imġiba tiegħi ma tkunx konformi mal-ġurament li ħadt, inkun qed nitfa’ lil sħabi kollha miż-żewġ naħat tal-kamra fl-istess keffa.

    Partit Nazzjonalista fil-Gvern (1987–2003) ħadem kemm felaħ sabiex idaħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, li fiha nnifisha din l-Unjoni hija mibnija fuq il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt u t-trasparenza. Il-Partit Nazzjonalista (1994)  ħadem dwar id-devoluzzjoni tal-poter, permezz tal-Kunsilli Lokali, twaqqif tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-korruzzjoni, pluraliżmu fix-xandir, l-uffiċċju tal-Ombudsman, twaqqif tal-Amministrazzjoni Pubblika u awtoritajiet regalatorji bħal MEPA, illum l-Awtorità tal-Ippjanar. Ikun sewwa u xieraq ngħid li Gvern Laburista (2013–2020) ukoll ħadem dwar liġijiet għal Governanza tajba fosthom il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti,  tal-Whistleblowers , Kummissarju fil-Ħajja Pubblika fost oħrajn. Dan kollu huwa tajjeb, però bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.  Il-Greco Report (2019), ir-Rapport tal-Kummissjoni  Venezja (2019) u r-rapport tal-Moneyval (2019) qlajna diversi dirsiet bla preċedent.    Bla dubju dawn ir-rapporti jagħtuna ċ-ċans inpoġġu darna fl-ordni.

    Infakkar kif wara l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, il-Prim Ministru Abela kellu biċċa xogħol iebsa biex isem pajjiżna jerġa’ jikseb fiduċja tal-Maltin u barranin.  Mhux biss… illum il-ġurnata Laburisti ġenwini ma jifilħux jisimgħu ismu, għaliex tradixxa dak kollu li jemmnu fih, kasbrilhom il-Partit li tant ħabbew tul ħajjithom kolha, liema partit Muscat dawru għal Moviment.

    Infakkar ukoll li f’Diċembru li għadda l-Partit Nazzjonalista ppreżenta 15-il-proposta dwar Governanza tajba f’kull qasam tas-soċjetà.

    Kulħadd jeħtieġ li jkun onest fuq xogħlu u leali lejn ir-Repubblika ta’ Malta u l-Maltin billi jħares lejn ir-responsabilità tiegħu b’serjetà kbira. Il-politika tas-separazzjoni trid titħaddem b’mod sħiħ u tħares ’il fuq u mhux tibża’ minn bnedmin oħra li huma responsabbli minn mekkaniżmi ta’ checks and balances.    B’hekk tibqa’ dejjem titħares it-trasparenza, mingħajr ħadd ma jabbuża mill-pożizzjonijiet tiegħu, fl-istess ħin iħarsu l-interessi ta’ kull ċittadin.

    Dan kollu jitlob mill-Awtoritajiet konċernati, dan kollu titlob l-etika politika minn kull min jokkupa karigi ta’ responsabilitajiet. L-ewwel eżempju trid tiġi minna l-bnedmin fl-ogħla kariga, biex imbagħad l-istess responsabilitajiet (kulħadd bid-dmirijiet tiegħu) jiġu segwiti mill-kumplament. Dan jitlob sagrifiċċji kbar, u kważi kważi tasal li tidħol fin-nar għall-ġid komuni.