Tkun ġennata jekk niftħu l-ajruport għat-turisti fis-sajf – Taqblu miegħi?

    Ngħidha ċar u tond: riżultat tal-COVID-19 bħalissa Malta qed tiffaċċja l-kollass totali tal-industrija tat-turiżmu jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk u s-sitwazzjoni ma taqlibx totalment għall-aħjar fi ftit taż-żmien ieħor. Din sitwazzjoni ferm inkwetanti li qed jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għaliex it-turiżmu jikkontribwixxi għal għaxra fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-Unjoni Ewropea u tnax fil-mija tal-impjiegi.

    L-industrija tat-turiżmu hija parti kruċjali mill-ekonomija ta’ Malta u kollass f’dan is-settur ekonomiku jkun ifisser it-telfien ta’ eluf ta’ impjiegi bil-problemi soċjali kollha li daqqa ta’ ħarta bħal din iġġib magħha. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għadha kemm ħarġet bi pjan biex jiġi salvat it-turiżmu tas-sajf. Il-pjan huwa maqsum fi tliet fażijiet, b’mod gradwali u bil-prekawzjonijiet mediċi kollha, sakemm eventwalment nerġgħu niġu għas-sitwazzjoni ta’ qabel il-COVID-19 meta l-fruntieri kollha Ewropej kienu miftuħa u wieħed seta’ jivjaġġa liberament bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

    M’hemmx għalfejn ngħid li kulħadd jifhem li qed niffaċċjaw diżastru ekonomiku jekk l-industrija tat-turiżmu tibqa’ sejra għall-agħar. Madankollu, jiena xorta waħda naħseb li tkun ġennata jekk fis-sajf li ġej nerġgħu niftħu l-ajruport u l-portijiet tagħna għat-turisti. Wara s-suċċessi li kellna fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u wara s-sagrifiċċji kbar li għamel il-poplu Malti kollu, nistgħu nispiċċaw biex, kif jgħid il-Malti, “nitilfu l-qaleb u l-ġbejna”.

    Ejjew niftakru li l-COVID-19 infirex daqshekk malajr u qatel tant nies fl-Ewropa propju għaliex xi pajjiżi damu jaħsbuha dwar li jirrestrinġu l-kuntatt ma’ nies minn pajjiżi oħra. Tiftakruha l-partita futbol taċ-Champions League bejn it-tim Taljan ta’ Atalanta u dak Spanjol ta’ Valencia li ntlagħbet f’Bergamo, l-Italja meta t-tim Taljan rebaħ 4-1? – Illum l-esperti jaħsbu li t-taħlit bejn il-partitarji Taljani u dawk Spanjoli kien wieħed mill-kaġuni ewlenin li ftit wara wassal biex Bergamo sar epiċentru tal-pandemija u din bdiet tixtered ukoll fi Spanja. Tgħiduli: “imma dan issa mhux se jiġri għax se jittieħdu l-prekawzjonijiet mediċi kollha u kollox se jsir b’kawtela”. – Veru, imma jekk ikollok numru mhux ħażin ta’ turisti deħlin fil-pajjiż minn diversi pajjiżi differenti, tiġux tgħiduli li dan ma jkunx riskju kbir.

    Ma ninsewx li jekk ikollna mewġa oħra tal-pandemija f’pajjiżna, din tkun id-daqqa tal-mewt għal ħafna operaturi lokali fl-industrija tat-turiżmu. Is-sagrifiċċji kollha li għamilna s’issa u s-suċċess mediku li kellna jisfumaw fix-xejn u jkollna nibdew kollox mill-bidu u dan mingħajr ebda garanzija li din id-darba jerġa’ jirnexxielna negħlbu mill-ewwel it-tixrid rapidu tal-pandemija.

    Għalhekk, naħseb li f’din il-kwistjoni tal-ftuħ tat-turiżmu s-sajf li ġej, għandna ninjoraw dak li qed tissuġġerixxi l-Unjoni Ewropea u noqogħdu pass lura għalissa. Għamlu sew l-Ewroparlamentari David Casa u Miriam Dalli meta sostnew li din il-kwistjoni għandha titħalla għall-kompetenza tal-pajjiżi individwali li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea biex jiddeċiedu huma fuqha. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, diġà qal li għadu ma wasalx iż-żmien li nneħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar. Assolutament ma naqbilx ma’ dak li qed tissuġġerixxi l-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) kif ukoll il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Onorevoli Julia Farrugia Portelli, dwar li jinħolqu dawk li qed jissejħu bħala “travel bubbles” jew “safe travel corridors” għall-ivjaġġar bejn Malta u pajjiżi oħra li wkoll kellhom suċċess fil-ġlieda kontra l-COVID-19.

    Se npoġġu l-interessi ekonomiċi qabel dawk tas-saħħa tal-poplu kollu? – L-ewwel għandha tiġi l-opinjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa u mhux l-opinjonijiet ta’ ħaddieħor. Kif għidt qabel, jekk niftħu l-bibien għal mewġa oħra tal-COVID-19, inkunu xorta waħda qed ngħidu “addio” lil ħafna operaturi fl-industrija tat-turiżmu kif ukoll nipperikolaw il-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin u tal-barranin li jgħixu fil-Gżejjer Maltin.

    Ejjew niddeċiedu bil-għaqal!