​Tkellmu bil-Malti, Aħna Maltin!

    Dan  l-aħħar  inqalgħet  kontroversja  dwar  it-tagħlim  tal-Malti  bħala  lingwa  barranija.  Il-kwistjoni  kienet  dwar  lil  min  għandna  ngħallmu  l-Malti  bħala  lsien  barrani.  Kien  hemm  oppożizzjoni  kbira  għall-possibbiltà  li  l-Malti  jibda  jiġi  mgħallem  bħala  lingwa  barranija  lil  tfal  Maltin  b’ġenituri  t-tnejn  Maltin.  Naħseb  li  l-Ministru  għall-Edukazzjoni  u  x-Xogħol,  l-Onorevoli  Evarist  Bartolo  serraħ  moħħ  kulħadd  li  dak  li  se  jsir  se  jkun  qiegħed  isaħħaħ  il-pożizzjoni  tal-Malti  u  mhux  bil-maqlub.
    Għalhekk,  illum  xtaqt  niddiskuti  mhux  din  il-miżura  li  jidher  li  kien  hemm  min  qajjem  kjass  fuqha  għalxejn  imma  x’wassal  biex  f’pajjiżna  għandna  min  kuntent  jarmi  l-ilsien  ta’  art  twelidu,  l-ilsien  nazzjonali,  biex  jitkellem  b’lingwa  barranija,  l-Ingliż.  Veru  li  l-Ingliż  huwa  wkoll  lingwa  uffiċjali  ta’  Malta  imma  xorta  jibqa’  lsien  barrani.  Min  hu  Malti  għandu  dejjem  jagħti  l-ewwel  post  lill-Malti  meta  jitħaddet.
    Nibda  billi  ngħid  li  numru  ta’  Maltin  jitkellmu  bl-Ingliż  u  taparsi  jinsew  il-Malti  purament  għall-ksuħat.  Ma  nistax  nifhem  kif  hawn  min  iħossu  superjuri  għax  jitkellem  bl-Ingliż  u  jwarrab  il-Malti.  Jien  naħseb  li  jmissu  jistħi  min  lanqas  biss  jaf  jikkomunika  sew  b’ilsien  art  twelidu  u  jinqeda  l-ħin  kollu  b’lingwa  barranija.  L-agħar  huwa  l-fatt  li  numru  sostanzjali  ta’  nies  jużaw  taħlita  ta’  sew  l-Ingliż  kif  ukoll  il-Malti  biex  jitkellmu  u  hekk  la  jitkellmu  tajjeb  bl-Ingliż  u  lanqas  bil-Malti!
    Xi  ħaġa  oħra  li  ddejjaqni  ħafna  hija  dik  li  ċerti  ġurnalisti  jistaqsu  bl-Ingliż  meta  jindirizzaw  membri  tal-Kabinett.  Naħseb  wasal  iż-żmien  li  tingħata  direttiva  biex  il-Ministri,  Segretarji  Parlamentari  u  anke  kull  membru  ieħor  tal-Parlament  iwieġbu  dejjem  bil-Malti  meta  ssirilhom  mistoqsija  bl-Ingliż.  Nifhem  li  jista’  jkollok  każ  fejn  ikun  hemm  mistiedna  numru  ta’  barranin  waqt  xi  attività  uffiċjali.  F’każ  bħal  dan  nagħmel  eċċezzjoni  imma  f’kull  każ  ieħor  naħseb  li  mistoqsijiet  bl-Ingliż  għandhom  jiġu  mwieġba  bil-Malti.
    Biex  inkompli  fuq  dan  il-punt,  nemmen  ukoll  li  qatt  m’għandu  jitwarrab  il-Malti  waqt  xi  attività uffiċjali  li  tkun  indirizzata  lejn  il-Maltin.  Hija  umiljanti  li  ssir  attività uffiċjali  fejn  id-diskorsi  jsiru  bl-Ingliż  flok  bil-Malti  bla  bżonn.  L-Ilsien  Malti  għandu  dejjem  jingħata  preċedenza.  Ejjew  nuru  rispett  lejn  l-ilsien  ta’  art  twelidna  u  nagħtuh  id-dinjità li  jixraqlu.
    Meta  nwarrbu  l-Malti,  inkunu  qed  ninsulentaw  il-memorja  ta’  numru  kbir  ta’  Maltin  bħalna  li  tant  ħadmu  biex  il-Malti  jingħata  l-ġieħ  li  jixraqlu,  nies  bħal  Mikiel  Anton  Vassalli,  Manuel  Dimech,  Pawlu  Boffa,  Dun  Karm  Psaila  u  ħafna  oħrajn.  Il-pożizzjoni  li  għandu  l-Malti  llum  f’pajjiżna ħdimna  u  batejna  għaliha  tul  is-snin  meta  f’pajjiżna  kellna  l-hekk-imsejħa “Kwistjoni  tal-Lingwa”,  kwistjoni  kontroversjali  u  taħraq  li  damet  tiddomina  l-politika  ta’  pajjiżna  għal  għexieren  ta’  snin.
    Importanti  għalhekk  li  nibdew  minn  issa  billi  nieħdu  l-miżuri  kollha  meħtieġa  biex  nibdlu  l-mentalità miskina  li  permezz  tagħha  hawn  min  jaħseb  li  hu  xi  ħaġa  aħjar  minn  ħaddieħor  għax  jitkellem  bl-Ingliż  għad-detriment  tal-Malti.  Irridu  nibdew  mit-tfal  żgħar  fl-iskejjel  u  billi  wkoll  nedukaw  lill-ġenituri  li  jkunu  t-tnejn  Maltin  għax  ħafna  drabi  s-sitwazzjoni  li  għandna  llum  f’pajjiżna  hija  tort  ta’  ċerti  ġenituri  li  eliminaw  il-Malti  minn  darhom  bħala  mezz  ta’  komunikazzjoni.   
    Nibżgħu  għall-Malti  għaliex  huwa  wieħed  mill-ilsna  Ewropej  f’periklu  ta’  estinzjoni.