Tislima lil Benedittu XVI

    Inħossni milqut profondament bil-ġest storiku tal-Papa Benedittu XVI li fil-11 ta’ Frar ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jirriżenja b’effett mit-28 ta’ Frar 2013, fit-8 pm. Dan huwa terremot kbir, kemm fil-Kurja Rumana, kif ukoll fil-Knisja Kattolika. Terremot fil-Kurja Rumana għaliex mal-Papa jitilfu wkoll il-kariga tagħhom il-kapijiet kollha tad-dikasteri tal-Kurja Rumana. Din hija xi ħaġa li b’xi mod tinftiehem ma’ luttu tal-mewt ta’ Papa, imma hija konsegwenza wkoll ta’ riżenja tal-Papa. Fil-liġi tal-Knisja, il-Kodiċi tad-dritt kanoniku (Kanoni 332, paragrafu 2) jikkontempla r-riżenja tal-Papa u jagħti 3 kundizzjonijiet li huma: li l-Papa jkun liberu; li l-Papa jimmanifesta b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu; u li m’hemmx bżonn li xi ħadd jilqa’ din ir-riżenja. Jiġifieri kif il-Papa jesprimiha, din tkun deċiża u rriversibbli.

    Nemmen li l-Papa mhux biss qed iħares lejh innifsu u lejn l-istat ta’ saħħtu imma qed iħoss ukoll li fis-seklu 21, bl-iżviluppi tal-mediċina, hemm possibbiltà kbira li meta jkompli jitlef il-forzi tiegħu, jibqa’ jgħix għal diversi snin, imma fl-istess ħin ma jkunx jista’ jaqdi d-dover ta’ Papa kif hu jħoss li għandu jsir fid-dinja tal-lum.

    Fil-messaġġ tiegħu tar-riżenja l-Papa semma l-fatt li japprezza li l-ministeru tiegħu huwa profondament spiritwali u għalhekk jista’ jsir u jseħħ mhux biss bl-għemil u bil-kliem, imma anke bit-talb u bit-tbatija. F’din l-espressjoni inħoss b’mod ċar li hu qed isellem il-memorja straordinarja tal-Beatu Ġwanni Pawlu II, li fl-aħħar żmien tal-Pontifikat twil tiegħu, ħaddem il-ministeru Appostoliku bit-talb u t-tbatija. Fl-istess ħin huwa l-istess Bendittu XVI li jgħid li d-dinja tagħna llum għandha bżonn risposti malajr, hemm sitwazzjonijiet ġodda li qegħdin jiżviluppaw b’ritmu mgħaġġel, u għalhekk min imexxi d-dgħajsa ta’ Pietru għandu bżonn li jkun b’saħħtu spiritwalment, fiżikament u psikoloġikament. Din hi l-analisi onesta li għamel il-Papa Benedittu XVI u li wasslitu għad-deċiżjoni li ħa quddiem Alla b’kuxjenza safja, li aħna lkoll nammiraw u nirrispettaw.

    Għalina ma jistax ma jkunx hemm mument ta’ ‘luttu’, mhux għax il-Papa miet, imma għaliex Benedittu XVI mhux ser jibqa’ Papa wara t-28 ta’ Frar u għalhekk se niċċaħħdu wkoll minn Maġisteru straordinarju. Jiena nixtieq insellem it-tagħlim u l-missjoni ta’ tagħlim li l-Kardinal Ratzinger tana bħala Benedittu XVI. Bħalma qal tant tajjeb il-Kardinal Angelo Sodano meta sellimlu wara t-tħabbira tar-riżenja, il-pontifikat ta’ Benedittu XVI hu bħal stilla li se tkompli tiddi. U jiena napprezza ħafna dan il-kliem sabiħ u nitlob li din il-kewkba tibqa’ tiddi u li s-smewwiet jilmgħu bid-dawl ta’ din l-istilla.

    Nixtieq insellem lill-Papa għall-mod straordinarju ta’ kif bl-intelliġenza tiegħu, imma anke bl-umiltà profonda tiegħu, għaraf isib lingwaġġ ġdid fit-teoloġija, imma anke fil-filosofija, biex jiddjaloga mal-kultura kontemporanja.

    Insellem lil Papa Benedittu għall-kuraġġ li kellu li jirriżenja f’mument meta ma kien hemm l-ebda dubju li kien jaf x’inhu jagħmel u allura m’hemmx dubju li hija l-volontà tiegħu, u fl-istess ħin iħalli l-post għal xi ħadd li hu qed jittama, u nimmaġina wkoll jitlob lil Alla , li jkun jista’ jkompli l-missjoni Appostolika bħala s-suċċessur ta’ Pietru, bil-ħeġġa li jeħtieġ dan il-mandat Appostoliku.

    Nieħu l-opportunità biex nappella lil ħuti Maltin u Għawdxin biex aħna nkunu qalb waħda, mhux biss fl-ammirazzjoni lejn Benedittu, imma wkoll fit-talb lil Alla, lill-Ispirtu Qaddis, biex jagħtina ragħaj suprem skont il-qalb tiegħu.

    ✠ CHARLES J. SCICLUNA
    Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta