Tipproponi, mhux timponi

    “There are those who would like the Church to limit its presence to within its walls and to remain silent outside. But the Church has both a role to play in society and the same freedom as everyone else, so valued in Gibraltar, to outwardly and openly express its view when important religious, social or cultural questions crop up. In no way should this be considered as inappropriate interference in the political sphere. The Church does not impose its views on others. It has no power to do so. But it has every right to say and propose what it considers to be best for the common good.” 
    Dan il-kliem sod u kuraġġuż, imma fl-istess ħin umli, huwa meħud mill-omelija li l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Carmelo Zammit għamel waqt il-quddiesa li fiha beda l-ħidma tiegħu bħala Isqof ta’ Ġibilta’ nhar l-24 ta’ Settembru. Huwa kliem li faċilment japplika għal ħafna pajjiżi oħra li jifformaw parti mid-dinja “avvanzata”, dik imsejħa “tal-Punent”.
    U allura huwa kliem li japplika għal pajjiżna wkoll. Għax f’Malta u Għawdex ukoll niftaħru – ġustament – b’dik l-istess libertà li skont Monsinjur Zammit hija miżmuma fuq wiċċ l-idejn f’Ġibilta’: il-libertà ta’ kull bniedem li jħaddan u jesprimi t-twemmin tiegħu dwar dak li jibni l-ġid komuni.
    Ovvjament din il-libertà tgħodd għal kulħadd; għaldaqstant jekk il-Knisja, bħal kull istituzzjoni oħra, għandha dritt tesprimi twemminha, ħaddieħor għandu dritt ukoll janalizza din l-opinjoni, jikkritikaha, u jgħid li ma jaqbilx. Huwa proprju għal din ir-raġuni li l-Isqof Zammit (bħal tant isqfijiet oħra, inklużi dawk tagħna f’diversi okkażjonijiet) sostna li l-Knisja għandha biss id-dritt li tipproponi l-veduti tagħha, u mhux li timponihom.
    Nammetti li dan il-prinċipju (li tipproponi mhux timponi) diffiċli ħafna sabiex tgħixu fil-konkret. Proprju minħabba l-awtorità spiritwali li jeżerċitaw ir-rgħajja reliġjużi, faċilment jiġu akkużati li qed jagħmlu bullying spiritwali jekk kliemhom ma jkunx biżżejjed delikat u prudenti. U minflok idawwal u jikkonvinċi, dan it-tagħlim jirriskja li joħloq firda u konfużjoni, u jħalli feriti spiritwali u emozzjonali anki f’dawk ta’ rieda tajba.
    Imma jekk il-mexxejja reliġjużi li jesprimu opinjoni fuq kwistjonijiet ta’ ġid komuni għandhom responsabbiltà serja, daqstant ieħor għandhom responsabbiltà dawk li jisimgħu dan it-tagħlim u jikkummentaw dwaru.
    U kultant, sfortunatament, jinterpretawh kif jaqblilhom. F’dan ir-rigward jien ninnota żewġ tendenzi negattivi.
    L-ewwel waħda tolqot lil dawk li ma jaqblux ma’ dik l-opinjoni. Xi wħud mhux biss ma jaqblux b’rispett u intelliġenza, imma saħansitra jipprovaw jiskreditaw lil min esprima dik il-fehma: jiżirgħu suspetti u jimplikaw motivi ulterjuri sabiex iqanqlu rabja, sfiduċja u mibegħda kontrih. Din it-tattika spiss intużat matul l-istorja minn reġimi totalitarji kontra dawk li huma qisuhom bħala xkiel għall-poter tagħhom.
    Iżda hemm ukoll tendenza oħra, iktar fina: dik tal-mexxejja politiċi li l-opinjoni espressa minn xi figura reliġjuża tinżlilhom għasel għax inzertat taqbel ma’ xi pożizzjoni tagħhom. Malajr tarahom jiggranfaw magħha u jistrumentalizzawha għall-fini tagħhom. Jirkbu fuq dahar ir-reliġjon u jipprovaw jinqdew biha biex tagħmel id-dirty work tagħhom.
    Dawn iż-żewġ tendenzi indirettament jilagħbu l-logħba ta’ xulxin: sew meta jiskreditaw inġustament l-opinjoni ta’ ħaddieħor u sew meta jistrumentalizzawha, huma jivvelenaw dak id-diskors pubbliku li tant jiftaħru bih u jgħidu li jinkoraġġuh. Meta jiġri hekk, isofri l-ġid komuni u jbati kulħadd.