Tinsulentawx lil ilsien pajjiżi biex tfakkru lil Daphne!

    Rajt ir-rekordings tal-aħħar tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia li saret quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta. Emmnuni li bqajt iddiżgustat bil-fatt li l-maġġoranza assoluta tad-diskorsi li saru kienu bl-Ingliż. Dan quddiem monument li jfakkar lil dawk li waqgħu fit-taqbida tal-1565 biex nipproteġu l-kultura u r-reliġjon tagħna. – Inkredibbli!

    Meta se naqtgħu dan il-ksuħat li nikkalpestaw ilsien art twelidna u nitkellmu b’ilsien barrani f’okkażjonijiet bħal dawn? – Imbagħad, waqt attività bħal din jitkanta l-Innu Malti! – Dan wara li nkunu nsulentajna l-qofol tal-identità Maltija, jiġifieri l-Ilsien Malti.

    Ara ma jiġix xi ħadd joħroġ bl-iskuża li l-Ingliż huwa Lingwa Uffiċjali għaliex xorta jibqa’ l-fatt li l-Malti għandu jiġi dejjem qablu fl-istima u r-rispett tagħna. Niftakru kemm tħabatna fi żmien il-Kwistjoni tal-Lingwa biex il-Malti jingħata r-rispett u d-dinjità li jixraqlu. U lanqas ma naċċetta l-iskuża l-oħra li jista’ jkun hemm il-barranin fost il-parteċipanti. Issa tmur l-Ingilterra jew Franza jew il-Ġermanja u ara jitkellmux b’lingwa barranija għax ikun hemm il-barranin. Tgħid mhux hekk nibqgħu! – Jitkellmu dejjem b’ilsien pajjiżhom għax kburin bih.

    Nagħmilha ċara li min jorganizza dawn l-attivitajiet ta’ tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia għandu kull dritt li jagħmel dan. Għandu kull dritt ukoll min jitkellem u jipprotesta kontra l-Gvern. Imma li ninsulentaw lil ilsien art twelidna le. Iktar u iktar jekk dan isir bi ksuħat għaliex għad hawn min jaħseb li jekk titkellem bl-Ingliż turi li int superjuri. Dan meta fil-fatt tkun qed turi kemm int injurant għax min ikasbar ilsien pajjiżu, lanqas rispett lejh inniffsu ma jkollu.

    Żgur li l-mejtin tal-Assedju l-Kbir iduru f’qabarhom meta jisimgħu dawn id-diskorsi bl-Ingliż, propju quddiem il-monument li jfakkar is-sagrifiċċju tagħhom għal art twelidhom!