Tieħu ġustizzja fil-Qrati?

    Mhux l-ewwel darba li smajna xi każ f’Malta jew barra minn Malta fejn xi persuna spiċċat ikkundannata mill-Qrati u forsi anke mitfugħa l-ħabs biex snin twal wara joħroġ illi min spiċċa kkundannat kien fil-verità innoċenti. Agħar minn hekk ġieli smajna b’każijiet fejn anke ngħatat il-piena tal-mewt u snin wara jirriżulta illi min ġie kkundannat u ħajtu mneħħija kien fil-verità innoċenti u ħieles minn kull ħtija.

    Dan hu dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘a miscarriage of justice’.

    L-iżbalji tal-ġustizzja jiġru mhux biss fil-kamp tal-ġustizzja kriminali iżda f’kull kamp legali fosthom fil-kamp ċivili fejn normalment l-aktar li jkun hemm kawżi u fejn il-grad tal-prova li wieħed irid iġib biex jirnexxi fil-kawża tiegħu huwa aktar baxx minn dak ta’ qrati oħra. Imma għaliex jiġru dawn l-affarijiet?

    Kultant ikollok min jew sempliċiment għaliex ikun sfortunat jew għaliex ma jkunx kapaċi jwassal il-każ tiegħu jibqa’ lura fil-prova u fl-argumenti li jkun jeħtieġlu jwassal  quddiem il-qorti, bil-Qorti ma jkollhiex triq oħra għajr li ma taċċettax l-argument ta’ dik il-persuna jew għaliex ikun mankanti jew għaliex ikun nieqes minn dak id-dettall legali mitlub. F’dawn il-każijiet il-ħtija ta’ dan ikun il-parti nnifisha. Meta ngħid il-parti jista’ jkun ukoll li dan għandu jinkludi lil avukat tiegħu għaliex f’għajnejn il-qorti l-avukat u l-parti li jirrappreżenta huma l-istess ħaġa. Mhux l-ewwel darba li jkollok avukati li għal xi raġuni ma jsegwux kif imiss il-kawżi tal-klijenti tagħhom b’mod illi għalhekk l-argumenti ta’ dik il-parti ma jitressqux kif suppost u l-parti tispiċċa titlef il-kawża.

    Ikollok każijiet fejn argument jinftihem ħażin mill-Qorti, jew li l-Qorti tkun applikat il-liġi ħażin.

    Fil-fatt għalhekk teżisti l-Qorti tal-Appell u jkun hemm istanzi fejn il-Qorti tal-Appell tħassar deċiżjonijiet ta’ qorti oħra.

    Hemm pajjiżi fejn tista’ tappella t-tieni darba jiġifieri tmur quddiem it-tielet Qorti u mhux l-ewwel darba li l-Qorti l-aktar għolja tħassar u tbiddel id-deċiżjonijiet taż-żewġ qrati l-oħra. Id-dritt tal-appell eżista għal numru ta’ snin twal u qiegħed hemm biex jelimina kemm jista’ inġustizzji li jistgħu jsiru minħabba deċiżjonijiet tal-Qrati li ma jkunux korretti.  L-isfortuna hi li jkollok nies illi jkollhom raġun u wara snin ta’ qorti bis-sentenza tiġi żbaljata jaqtgħu qalbhom jappellaw u jibqgħu bis-sentenza ma’ wiċċhom, b’din is-sentenza wara ftit jiem sa xħin jgħaddi ż-żmien tal-appell tiġi definittiva u ma tistax tinbidel iżjed. Fil-fatt ikollok sentenzi li ma jkunux bilfors legalment korretti li ma jiġux appellati u jibqgħu hemm.

    Kultant is-sitwazzjoni tkun aktar ħażina meta ċerta ġudikanti ma jagħtux ġustizzja kif suppost. Il-ħażin hu li ċerta temi legali jiġu quddiem ġudikanti meta dik it-tema legali ma tkunx il-forte ta’ dak il-ġudikant. Inutli npoġġi każ legalment kumplikat fiċ-ċivil jew fil-kriminal quddiem ġudikant li qatt ma ħadem fiċ-ċivil jew li qatt ma ħadem fil-kriminal. Tenut kont tal-mod kif kienu jinħatru l-ġudikanti f’Malta fil-passat mhux l-ewwel darba li l-ġustizzja Maltija batiet minn din il-ħaġa. Għalkemm mhux komuni taf tidher quddiem ġudikant u tarah qed jipprova jagħmel sforz biex isegwi l-argument legali li jkun għaddej għax forsi l-ġudikant ma jkunx daqshekk konversanti f’dik it-tema legali partikolari. U hemmhekk jeżisti wieħed mill-akbar riskji ta’ sentenzi ħżiena.

    Ma rridux ninsew illi ġudikant huwa wkoll persuna umana suġġetta għall-iżball u għad-debolizzi umani kollha.

    Żball jista’ jieħdu bħal kulħadd. Żball jista’ jkun mhux biss fil-liġi iżda anke fl-interpretazzjoni u apprezzament tal-fatti. Żball jista’ jkun ġenwin jew negliġenti bħal meta ġudikant fis-sentenza jilmenta minn nuqqas ta’ xi prova jew dokument partikolari meta dik il-prova jew dak id-dokument fil-verità jkunu jinsabu fl-atti tal-kawża, li allura jfisser illi wieħed ma jkunx fela l-atti tal-kawża kif suppost. Kultant atteġġamenti ta’ xi ġudikant fil-konfront ta’ xi nies quddiemhom iqajmu ċerta dubji kemm fil-verità dak il-ġudikant ikun għadu seren biex jagħti ġustizzja kif suppost. Fl-aħħar u l-aktar gravi, kemm Malta kif ukoll barra minn Malta kien hemm każijiet fejn ġudikanti nstabu ħatja minn qrati li ma qdewx dmirhom kif suppost u anke ġew ikkundannati. Dawn l-istanzi kollha jistgħu jwasslu biex il-ġustizzja ma tiġix servuta.

    Ovvjament dawn huma l-eċċezzjonijiet mhux ir-regola. Nemmen li ħafna drabi l-ġustizzja tiġi servuta fil-maġġor parti tal-każijiet minn ġudikanti bravi u għorrief f’sistemi legali ta’ pajjiżi diversi, iżda sfortunatament xorta jibqa’ dak il-perċentwal żgħir kemm hu żgħir fejn il-vittma jiġi vittma doppju.