That’s “Amoris”!

    Il-Ġimgħa 8 ta’ April waslet fi tmiemha l-istennija tal-Knisja Kattolika; bl-Eżortazzjoni Apostolika Amoris Laetitia (li ġġorr id-data uffiċċjali tad-19 ta’ Marzu 2016), il-Papa Franġisku ġabar il-konklużjonijiet taż-żewġ mumenti ta’ riflessjoni dwar iż-żwieġ u l-familja li l-Knisja għamlet permezz tal-Isqfijiet matul is-sentejn li għaddew. Dan id-dokument għaldaqstant jidħol fit-tradizzjoni ta’ dokumenti post-sinodali, jiġifieri kitba li toħroġ bħala konklużjoni u sunt ta’ dak li jintqal waqt Sinodu (laqgħa tal-isqfijiet) dwar suġġett partikolari. Tul is-snin xi wħud minn dawn id-dokumenti taw għajnuna kbira fl-għarfien u l-iżvilupp tad-duttrina tal-Knisja. Jibqa’ famuż, per eżempju, il-Familiaris Consortio tal-1981 li tratta t-tema tal-familja fid-dinja moderna.
    Iżda għalkemm hemm min ikkaratterizza l-Amoris Laetitia bħala l-Familiaris Consortio tal-ġenerazzjoni tagħna, dan l-aħħar dokument tal-Papa Franġisku mhuwiex biss xi aġġornament ta’ dokument li issa jinħass naqra antik. Pjuttost huwa riflessjoni ġdida li – bħalma ħafna qed jiddeskrivuh – huwa ­­landmark document, jiġifieri kitba ta’ piż u rilevanza kbira. Jekk spiss nisimgħu ilmenti dwar il-fatt li ż-żwieġ u l-familja jinsabu fi kriżi, dan id-dokument joffri duwa u dawl. Ma jibżax jaqbad il-barri minn qrunu u jitratta suġġetti jaħarqu u kontroversali; fl-istess ħin ma joqgħodx lura milli jagħmel riflessjoni profonda – kważi poetika – ta’ kemm hi sabiħa u qaddisa l-imħabba, u ta’ kemm iż-żwieġ huwa vokazzjoni għolja u nobbli. L-ideal taż-żwieġ huwa preżentat fil-glorja tiegħu; iżda daqshekk ieħor hija preżentata r-realtà ta’ ħafna u ħafna familji li ma jirnexxilhomx jilħqu dan l-ideal u forsi jitfarrku fil-proċess.
    L-Amoris Laetitia huwa impressjonanti anki għat-tul tiegħu: 325 paragrafu imqassma f’disa’ kapitli. Ħafna lmentaw li t-tul tiegħu probabbli jagħmilha diffiċli għall-biċċa l-kbira tan-nies biex jaqrawh b’mod sħiħ, bir-riskju li jiffukaw biss fuq l-aspetti kontroversjali. Jekk jiġri hekk tkun tassew ħasra għax huwa dokument li għandu ħafna x’joffri. Il-Papa nnifsu, fid-daħla, jgħid li jixtieq li l-Amoris Laetitia ma jinqarax bl-għaġġla iżda bil-galbu, kważi b’meditazzjoni.
    Għalkemm m’għandix wisa’ biex nitratta l-kontenut f’xi dettall, il-kapitli li jiffurmawh joffrulna ħjiel mhux biss tal-istruttura tiegħu, imma wkoll tal-messaġġ tiegħu. L-ewwel kapitlu (“Fid-dawl tal-Kelma”) joffri riflessjoni dwar iż-żwieġ u l-familja permezz ta’ diversi testi Bibliċi. It-tieni kapitlu (“L-esperjenzi u l-isfidi tal-familji”) jagħti stampa taċ-ċirkustanzi preżenti tal-familja. Imbagħad, bit-titlu “Inħarsu lejn Ġesù: il-Vokazzjoni tal-Familja”, it-tielet kapitlu jiġbor it-tagħlim millenarju tal-Knisja Kattolika dwar dan is-suġġett.
    Wieħed mill-itwal kapitli huwa r-raba’ wieħed (“L-imħabba fiż-żwieġ”), li jieħu l-forma ta’ meditazzjoni dwar l-imħabba kif murija f’dak l-innu li San Pawl joffri fl-Ewwel Ittra lill-Korintin. Nimmaġina li ħafna minnkom huma familjari miegħu (imqar mit-Tieni Qari f’xi tieġ): “L-imħabba taf tistabar u tħenn; l-imħabba mhijiex għajjura…” u l-bqija. Imbagħad fil-ħames kapitlu (“L-imħabba li ssir għammiela”) il-Papa janalizza d-diversi rwoli u relazzjonijiet fil-familja.
    Minn hawn, id-dokument jieħu svolta iktar prattika u pastorali u l-Papa juri ruħu tassew bħala ragħaj; jidher ċar li qed jislet kemm mill-esperjenza personali tiegħu u kif ukoll minn dik tal-isqfijiet li pparteċipaw fis-Sinodi tal-2014 u l-2015. Is-sitt kapitlu (“Xi perspettivi pastorali”) jitratta suġġetti varji mit-tħejjija għaż-żwieġ u l-akkumpanjament pastorali tal-koppji żgħażagħ sa sitwazzjonijiet kumplessi u diffiċli fejn jinqalgħu diffikultajiet u problemi. Imbagħad, bl-isem “Lejn edukazzjoni aħjar tal-ulied”, is-seba’ kapitlu jpoġġi lit-tfal u l-ħtiġijiet formattivi tagħhom fiċ-ċentru.
    Forsi l-iktar kapitlu sensittiv – u sa ċertu punt groundbreaking – huwa t-tmien wieħed li jismu “Nakkumpanjaw, niddixxernu u nintegraw id-dgħufija”. It-timbru ta’ ġiżwita esperjenzat fl-akkumpanjament spiritwali jidher b’qawwa hawnekk. Franġisku jħeġġeġ b’mod speċjali lir-rgħajja tal-erwieħ biex ma jħarsux minn barra ‘l ġewwa lejn ir-realtà spiss fraġli u frammentata tal-maġġoranza tal-familji, iżda li tassew jiltaqgħu ma’ dawn il-persuni fejn jinsabu u jimxu magħhom f’mixja ta’ għarfien tar-rieda t’Alla għalihom: mhux b’kundanna iżda bi ħniena.
    L-aħħar kapitlu (“L-Ispiritwalità taż-Żwieġ u l-Familja”), jgħaqqad iċ-ċirku. Jerġa’ jġib ir-riflessjoni kollha mnejn bdiet: lura għand Alla li huwa l-għajn tal-familja u t-tmiem tagħha. Il-Papa Franġisku joffri spunti prattiċi ta’ kif il-familji jistgħu – anzi, għandhom – jintegraw it-talb u l-fidi fil-ħajja tagħhom.
    Quddiem rikkezza ta’ materjal bħal din, tinħass pjuttost riduttiva l-kwistjoni kontroversjali li għal ħafna donnha kkaratterizzat is-Sinodi dwar il-familja: jekk il-Papa kienx se jħalli persuni divorzjati jew separati u f’relazzjonijiet ġodda jersqu għat-tqarbin. Nifhem, madanakollu, li għal persuni ta’ rieda tajba li jsibu ruħhom f’ċirkustanzi bħal dawn, din il-mistoqsija hija importanti. Nistgħu ngħidu li l-Papa ma tax risposti konklussivi, iżda bexxaq bieb importanti f’dan ir-rigward meta f’waħda mill-footnotes tal-Amoris Laetitia huwa jantiċipa l-possibilita’ li xi wħud minn dawn il-persuni jistgħu jiġu ggwidati lura lejn is-sagramenti. Mhux b’mod leġġer u sbrigattiv iżda f’kuntest ta’ mixja ta’ fidi, ndiema u akkumpanjament spiritwali.
    Jekk Alla jrid fi blogs oħra nerġa’ niġi għal dan il-punt f’iktar dettall, wara li anki jien nobdi lill-Papa u nirrifletti dwar dan id-dokument b’iktar qjies u galbu.