Tħalli qatt il-passat jisraqlek il-preżent, emmen f’dak li int u imxi ’l quddiem

    Il-memorji huma ftit imma b’saħħithom ħafna ġo moħħi. L-abbużi li rajt madwari, it-tgħajjir u swat bla waqfien. Għadni s’issa nħoss l-uġigħ emozzjonali li kont inħoss dak iż-żmien, nipprova naħrab u ninsa dawn il-mumenti koroh imma diffiċli, diffiċli wisq. L-iktar memorja li tibqa’ tiġri warajja sakemm nibqa’ ħajja biddlitli ħajti. Ommi f’għadira demm mal-art wara li ppruvat tneħħi ħajjitha b‘idejha. Jien hemm, tifla ta’ ħames snin mingħajr idea ta’ x‘inhu jiġri. Pulizija, ambulanza, ġenn kbir.

    Minn dakinhar ikolli ngħid li ħajti nbidlet kompletament. Forsi, anzi żgur, għall-aħjar. Ġejt meħuda f’dar tat- tfal fejn domt kważi sentejn, lil ommi ma tantx kont naraha u hi ma naħsibx li kienet tieħu xi interess kbir biex tiltaqa’ miegħi jew timmissjani. Meta kelli seba’ snin gejt fostered minn familja li wrietni xi tfisser imħabba. Fl-aħħar kont bħal tfal oħra, ġenituri li jħobbuni, jagħtu kasi u jsegwu kull pass li nagħmel. Qatt ma ninsa l ewwel festin ta’ għeluq snini. L-affarijiet li kont nisma’ minn sħabi jew li nara fuq it-televiżjoni issa saru realtà għalija wkoll. Fl-aħħar bdejt inħossni sikura u ferħana.

    Kbirt ma’ din il-familja; sfortunatament matul l-adolexxenza għaddejt minn żmien ta’ ribelljoni u dipressjoni, ma stajtx naċċetta l-fatt li ommi lanqas kienet tfittixni jew almenu ċċempel biex issaqsi kif ninsab. Għaddejt minn żmien twil ta’ terapija fejn tlift ħafna ħbiberiji. Apparti l-familja li ġejt fostered minnha, ma kelli lil ħadd. Waqajt f’solitudni u ma kontx noħroġ mid-dar jekk mhux ma’ xi ħadd mill-ġenituri jew ma’ oħti.

    Kont iffortunata li ltqajt ma’ ħabiba sinċiera meta bdejt naħdem, eventwalment bdejt noħroġ u nibni ħbiberiji ġodda. F’dan il-perjodu ltqajt ma’ ġuvni sew; illum ir-raġel tiegħi u missier uliedi. Ftit ilu qaluli li l-omm bijoloġika tiegħi kienet mietet, ma ħassejt xejn, ma bkejtx, li għamilt mort għand ommi li rabbietni għannaqtha miegħi u rringrazzjajtha ta’ dak kollu li għamlet miegħi. Xorta nħossni rrabjata miegħi nnifsi għall-fatt li ma kelli l-ebda emozzjoni għal din l-aħbar imma batejt wisq; nixtieq naħfer għax naħseb li nħossni aħjar imma minflok għalissa għażilt li la naħfer, la nobgħod, la nħobb. Xejn. Lil ommi qtajtha minn moħħi u minn qalbi.

    Ma rridx nibqa’ nħossni vittma taċ-ċirkostanzi li għaddewni minnhom, irrid inkun b’saħħti u naċċerta li wliedi jitrabbew f’ambjent tajjeb kif trabbejt jien mal-familja li żammitni magħha. Waqt il perjodu tal-pandemija kelli bżonn nitkellem ma’ xi hadd fuq dak li għaddejt minnu; ma tantx nitkellem ma’ nies għax nistħi, għalkemm m’għandix għalfejn. Ċempilt fuq il-‘loneliness response line’ tal-YMCA fejn hemm tkellimt fuq l-esperjenza tiegħi u fuq dawk il-memorji koroh li baqgħu ġo moħħi.

    Mar-raġel għandi relazzjoni tajba u b’saħħitha, imma xorta ma nħossnix komda nitkellem miegħu fuq ċertu memorji, b’hekk dawn it-telefonati kienu ta’ għajnuna kbira, anzi nagħmel appell biex min għandu bżonn jieħu l-għajnuna jaqbad u jċempel. Meta titkellem ma’ xi ħadd, it-toqol jonqos u l-kuraġġ li tiġġieled lil dak li jkun qed itaqqlek, iżid. Li titlob jew tammetti li għandek bżonn l-għajnuna ma jfissirx li mintix b’saħħtek, anzi jfisser li int b’saħħtek biżżejjed biex tiġġieled problema flok taħrabha.

    Il-linja tat-telefown tal-YMCA bl-isem Loneliness Response Line tnediet nhar it-23 ta’ Marzu tal-2020 bħala għajnuna f’dan il-perjodu tal-pandemija Covid 19. Għal sapport ċempel lil xi ħadd mill-voluntiera tagħna fuq 99928625. Tista’ wkoll iżżur is-sit tal-YMCA Malta għal iktar tagħrif dwar is-servizzi tagħhom fuq is-sit. Jekk tixtieq tgħin lil din l-organizzazzjoni tista’ tibgħat messaġġ vojt fuq 50619212 biex tagħti donazzjoni ta’ €11.65.