Tgħid nitgħallmu xi darba …

    Donnu li kapaċi naħdmu sew flimkien u napprezzaw dak li jkollna biss meta jinqala l-għadu minn x’imkien. Wara dak li seħħ f’Pariġi il-Ġimgħa 13 ta’ Novembru, d-dinja kollha qamet u uriet stmerrija għal dak li kien seħħ. Atti terroristiċi bħal dan jaħsdu u jinkwetaw lil kulħadd. U hekk għandu jkun imma meta nara l-ġurnali li ħarġu ġranet jew ġimgħat qabel u naqra fil-media soċjali nara kif kollha mimlijin kritika u kummenti kultant vojta fuq xulxin. U dak li jagħmel pajjiż ma jgħoġobniex … għax aħna konna nagħmlu aħjar!
    Imbagħad ġie l-għadu u wara li nħsadna minnħabba dak li ġara, qrobna aktar lejn xulxin u kulħadd kien lest biex joffri spalla lil min kellu bżonn. Kollu sabiħ dan, imma għaliex m’aħniex kapaċi nkunu ta’ sapport għal xulxin u napprezzaw lil xulxin mill-bidu nett? Donnu, li waqt li għemil bħal dak li rajna huwa veru ikrah, il-fatt li kapaċi jressaq il-pajjiżi lejn xulxin huwa forsi element li wieħed jista japprezza. Jidher li wara l-prova kulħadd jew kważi kulħadd lest li jgħin imma mhux qabel ma sseħħ it-traġedja.
    Xi jġelna nissimpatizzaw ma popli oħra wara li jkun nxtered id-demm għax tkun seħħet traġedja imma mhux kapaċi nuru apprezzament u tolleranza waqt il-ħajja  normali?
    l-istess nara jiġri madwarna meta jmut xi ħadd. Tara ittri ta’tifħir fuq kemm kien raġel jew mara dik il-persuna, kemm għamel/għamlet ġid u kemm kien iħobb/tħobb tgħin u dan kollu sabiħ. Imma ftit li xejn nara apprezzament meta dawn għadhom ħajjin. Aktarx isibu minn jikkritika kull ideja jew suġġeriment li jagħmlu għax kien ikun aħjar kieku l-affarijiet saru hekk jew xi mod ieħor. M’aħniex kapaċi naraw it-tajjeb anke jekk qed jagħmlu ħadd ieħor? Mhux qed nirreferi għall-fatt li jkun hemm idejat varji, anzi … imma idejjaqni l-fatt li donnu naraw it-tajjeb biss wara l-mewt. Ħafna snin ilu kont studjajt poeżija minn ktieb tal-peożiji li kellna l-iskola. Erġajt fittixtha u tgħid hekk:
    For no matter how you shout it
    He won’t know a thing about it;
    He won’t know the many tear drops that you shed,
    If you think that praise is due him,
    Now’s the time to give it to him.
    Cause a man can’t read his tombstone when he’d dead.
    More than fame and more than money
    Is your word both kind and sunny
    And the hearty, warm approval of a friend.

     

    Kemm tħassarnieh li dak it-tifel li wara li għereq ittella mill-mewġ fuq xatt fit-Turkija u għidna li imissna nsibu soluzzjoni dejjiema u kemm iddispjaċina għal dawk li tilfu ħajjithom f’Pariġi! Għadu kemm għadda l-Ħadd meta jkunu mfakkra dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerer dinjin. Mhux aħjar nagħmlu dmirna f’waqtu. Tgħid nitgħallmu xi darba!