Tfal inviżibbli

    Ftit jiem ilu, il-parroċċa tal-Imsida kellha l-pjaċir tospita lil Paul Vincenti, fundatur tal-għaqda Gift of Life (Malta) sabiex jitkellem dwar it-tibdiliet proposti fil-liġi għall-ħarsien tal-embrijuni. F’laqgħa interessanti mmens, Vincenti indirizza lin-nies miġbura fil-knisja daqs li kieku kienu l-Membri Parlamentari Maltin.
    Vincenti beda biex fakkar li skont l-istatistika maħruġa mill-gvern stess, il-proċeduri tal-IVF (jiġifieri t-tnissil megħjun) f’Malta diġà huma tajbin daqs – u f’ċerti każi saħansitra aħjar – mill-proċeduri ta’ barra minn Malta; u dan minkejja li aħna m’għandniex il-possibiltà tal-iffriżar tal-embrijuni u huma iva.
    Qabel kollox tajjeb niċċaraw il-kliem li nużaw: ‘embrijun’ huwa l-bniedem fl-ewwel fażi tal-formazzjoni tiegħu, jiġifieri mit-tnissil ‘il quddiem; il-fażi li jmiss, wara numru ta’ ġimgħat u proċess ta’ żvilupp, tkun dik ta’ ‘fetu’, u mbagħad tarbija. Iżda bejn dawn il-fażijiet kollha hemm kontinwazzjoni sħiħa. Fl-ebda mument m’hemm xi qabża jew xi interruzzjoni: l-embrijun la jista’ jsir karrotta u l-anqas jista’ jsir qattus! Jekk jitħalla jiżviluppa, embrijun jikber u jsir persuna umana. Bniedem kien, u bniedem jibqa’.
    Il-proposti għall-bidla fil-liġi qed jitolbu li jiġu prodotti ħames embrijuni li minnhom tnejn jiġu mpjantati fil-ġuf tal-omm (bit-tama li jaqbdu, u jgħixu). It-tlieta l-oħra jiġu ffriżati biex jekk l-ewwel tnejn ma jirnexxux, ikun hemm ċans ieħor.
    U hawnekk jidħlu xi mistoqsijiet li qajjem Vincenti. X’jiġri mill-embrijuni ffriżati jekk imqar wieħed minn “ħuthom” jaqbad fil-ġuf, u effettivament tirriżulta tqala? Forsi wieħed jew tnejn biżżejjed għal dik il-familja: x’se jiġri mill-oħrajn? Jitħallew fil-limbu tal-friża tal-laboratorju? Ovvjament lil ħadd ma tista’ tisfurzah ikollu tfal iktar milli jixtieq!
    Inżommu f’moħħna wkoll li l-laboratorji mhumiex qed jagħmlu volontarjat: l-ispejjeż taż-żamma tal-embrijuni fil-friża huma għoljin ħafna.
    U jekk – allaħaresqatt – il-ġenituri jinfirdu, jew xi ħadd minnhom imut? Ta’ min se jkunu l-embrijuni li fadal? Min se jkollu dritt fuqhom? Dawn mhumiex mistoqsijiet fl-ajru: barra minn Malta kien hemm stejjer ta’ koppji (anki ċelebritajiet) li nfirdu u mbagħad infexxew f’battalja legali proprju dwar l-embrijuni ffriżati: l-omm ma ridithomx (għax m’għadhiex tħobb lil missierhom)  u r-raġel iridhom għax xorta waħda huma wliedu.
    X’jiġri mill-embrijuni f’każi bħal dawn? Jistgħu jingħataw għall-adozzjoni? L-abbozz jippermetti din il-possibiltà, imma skont Paul Vincenti fir-realtà dan rarament jiġri. Għax f’għajnejn in-nies, dawk li jkunu ġew skartati mill-ewwel għażla ma jkunux ‘tajbin’ daqs ħuthom minħabba raġunijiet ta’ saħħa: ikunu ‘embrijuni tas-sekonda klassi’.
    U hawnekk, l-abbozz tal-liġi jdaħħal xi ħaġa perikoluża li bosta osservaturi qed isejħulha l-antiporta tal-abort f’pajjiżna. Għax jekk koppja ma jkunux iriduhom iktar lill-embrijuni tagħhom, imħallef jew maġistrat ser ikollu jiddeċiedi xi jsir minnhom. U għaldaqstant ikollha tiddaħħal liġi oħra li tippermetti l-qerda tagħhom. Din ukoll mhijiex ipoteżi fl-ajru: ftit snin ilu, fl-Ingilterra stess kienu tfew friża li kien fiha għexieren ta’ eluf minn dawn il-ħajjiet. M’hemmx xi ngħidu: kollha mietu.
    Eluf ta’ embrijuni; ħlejjaq umani; tfal tant żgħar li għal għajnejna huma inviżibbli. Imma bnedmin xorta waħda.
    Jien il-mistoqsijiet ta’ Vincenti niġborhom f’waħda sempliċi: kieku dawn kienu bnedmin li narawhom b’għajnejna, tfal żgħar li jibku jew ikellmuk, kien jgħaddilna minn rasna niffriżawhom? Jew naslu li nordnaw il-qerda tagħhom meta ħadd ma jridhom iktar?
    Nifhem il-weġgħa profonda tal-qalb ta’ koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal, u allura forsi jaraw kull oppożizzjoni għal dawn il-prattiċi bħala xi ħaġa bla qalb u nieqsa mill-kompassjoni. Iżda bħalma staqsa Monsinjur Arċisqof fuq il-mezzi tax-xandir f’dawn l-aħħar jiem, lesti nħallsu l-prezz li biex ikollna tarbija waħda, noqtlu erbgħa oħra?