Taxxa fuq iz-zokkor?

    Meta nitkellmu fuq iz-zokkor ma nkunux qed nirreferu biss għal dak iz-zokkor miżjud f’xi kikkra kafe jew te. Hemm ħafna aktar zokkor milli naħsbu miżjud mal-ikel sabiex jew ittejjeb il-palat jew sabiex jgħinu jżomm iżjed. Insemmu fost oħrajn il-yogurt, l-ikel li għandu xaħam imnaqqas, iċ-ċikuolati jew wafers tad-dieta u anke fl-ilma bit–togħma taf-frott. Ikel biz-zokkor miżjud sabiex iżomm aktar jinkludi l-ħobż, iċ-ċerejali li nieklu fil-għodu, frott u ħxejjex fil-bottijiet.
    Sfortunatament m’għandniex liġi li tirrikjedi lil min jimmanifattura l-ikel li jiddikjara fuq it-tabella dwar in-nutrizzjoni biex jagħmel distinzjoni bejn iz-zokkor miżjud u dak naturali li jkun fih il-prodott stess. L-unika mod li tieħu ideja dwar dan hija billi tħares lejn it-tabella u l-figura li tindika ‘carbohydrates (of which sugars) – karboidrati li minnhom daqshekk ġej miz-zokkor tindika l-ammont totali. Prodott fejn 15g zokkor (total sugar) f’kull 100g ifisser li l-ammont ta’ zokkor huwa għoli ħafna. Jekk, minn naħa l-oħra hemm 5g zokkor (total sugar) jew inqas, l-ammont huwa meqjus bħala baxx.
    Iz-zokkor għoli fid-dieta jwassal għal ħafna problemi tas-saħħa. Dawn jinkludu id-Dijabete (Type 2), mard tal-qalb, mard tal-fwied, tħassir tas-snien u anke effett fuq il-burdata. Ħafna minn dan il-mard ġej minn ħxuna żejda li ħafna kalorija bla bżonn iġibu.
    Ġie issuġġeritt minn riċerkaturi ġewwa Renju Unit sabiex titpoġġa taxxa ta’ 20% fuq ix-xorb kollu li fih iz-zokkor. Din it-taxxa jkollha l-effett li tnaqqas dan il-konsum li qed iwassal għal ħafna problemi. Huwa stmat li 3.7 miljun ruħ tibbenefika u ma jkollhiex problemi ta’ ħxuna żejda. Din il-miżura tiffranka mal-għaxar (10) miljun lira sterlina lis-sistema tas-saħħa ngliża (NHS) sas-sena 2025 għax tonqos il-ħxuna żejda u ukoll il-mard u konsegwenzi oħra li ġġib magħha. Minbarra dan, isservi ukoll ta’ introjtu għall-ħarsien tas-Saħħa Publika.
    Bħalissa l-popolazzjoni nġenerali qed tieħu bejn 12% u 15% tal-enerġija tagħha miz-zokkor meta r-rakomandazzjoni tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa hija inqas minn 5%. Jidher ċar li dan iwassal għal problemi.
    Ir-riċerka turi li l-bniedem jitwieled iħobb it-toma ħelwa u għalhekk meta lit-tfal inderruhom li meta jagħmlu xi ħaġa tajba ntuhom affarijiet ħelwin, inkunu qed nibdewhom fuq triq li nafu fiċ-ċert se twassalhom għal ċertu diffikultajiet. Illum hawn ħafna tagħlim dwar dan imma donnu qed jaqa’ fuq widnejn togħrox għax il-konsum għadu għoli ħafna.
    Forsi ukoll mhux sew li qed nippretendu lill-ġenituri li jkunu huma li jieħdu r-responsabilta kollha meta l-industrija tal-ikel qed toffrilhom sfida qawwija ħafna.
    Id-Danimarka diġa kienet ħadet deċiżjoni li tagħmel taxxa fuq il-prodotti li fihom xaħam għoli imma minn barra li l-aktar li ntlaqtu minn din id-deċiżjoni kienu l-aktar nies / familja fqar għax huma huma l-aktar li jikkunsmaw ikel għoli fiz-zokkor u x-xaħam, it-titjib mistenni ma wasalx. Ftit li xejn inbidlet ix-xirja tal-familja. Il-Ġappun introduċa penali relatati mal-ħxuna żejda.
    Jason Block, Assistent Professur fil-Harvard Medical School qal li għalkemm taxxa tista tgħin, din trid tkun parti minn strateġija ħafna aktar wiesa’. Trid tinkludi interventi regolari u li ma jaqtgħux, kemm fl-iskejjel kif ukoll fil-kommunita, jitnaqqas ir-reklamar ta’ dawk il-prodotti li għandhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem, ninfurmaw aktar lill-publiku dwar l-effett negattiv tal-ħxuna żejda fuq is-saħħa permess ta’ kampanji edulattivi u tinbeda diskussjoni serja mal-industrija li tipproduċi l-ikel sabiex jitnaqqsu l-ammonti ta’ kaloriji. Sa issa, l-industrija tal-ikel tħalliet b’rajha f’idejha sabiex tirregola lilha nnifisha imma l-esperjenza kważi f’kull qasam uriet li ma tantx rajna riżultati meta r-regolamentazzjoni ma ġietx mill-Istat.