Taħt assedju

    Iltaqgħu xemgħa u fjura,
    Ġewwa misraħ f’nofs il-Belt,
    Tħallew minn tfajla mbikkma,
    Għajn ta’ tama f’dan il-għelt.
     
    Hemm, imħares minn tliet ġganti,
    Weqfin, siekta, viġilanti,
    Tpoġġa nkwatru b’wiċċ ta’ mara,
    B’daqqa t’għajn tfakkarna x’ġara.
     
    Qalb l-istorbju tal-‘kultura’,
    Tinstema’ talba ta’ kultant,
    Waqaf xwejjaħ, ħalla kitba,
    Martu żejnet b’werqtejn rand.
     
    Mal-lejl ġew idejn moħbija,
    Fl-ikreh dlam, bħal fil-Bidnija,
    Ħarbtu, kissru, frak u biċċiet,
    U l-ġganta tal-mafkar bkiet.
     
    Iżda malli sebħet l-għodwa,
    Xemgħat u fjuri ġew oħrajn,
    Id-dnub b’rabja tqalleb f’soddtu,
    Mhux se nħalluh jagħlaq għajn m’għajn.
     
    20 ta’ Marzu 2018
    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġeneral.