Taf li dawk li żviluppaw vaċċini tal-Covid-19 immigranti?

    Il-vaċċin ta’ kontra l-COVID19 li se jkun fost l-ewwel li se jiġi mqassam, ġie żviluppat fil-Ġermanja minn koppja miżżewġa Ugur Sahin u Ozlem Tureci.

    Sahin, għandu 55 sena, twieled it-Turkija. Meta kellu erba’ snin, il-familja tiegħu marret tgħix il-Ġermanja, u l-ġenituri tiegħu ħadmu f’impjant tal-manifattura tal-karozzi. Meta kiber xtaq li jkun tabib, u sar tabib. Martu, hija bint immigranti Torok ukoll. Meta kienet għadha żagħżugħa xtaqet issir soru imma spiċċat tistudja l-mediċina. Il-koppja inizjalment kienet taħdem fuq riċerka u taħriġ. Wara bosta snin huma waqqfu kumpanija tal-bioteknoloġija li saret pijuniera fl-iżvilupp ta’ vaċċin li nisperaw li jiġġieled il-pandemija li ġabet id-dinja għarkopptejha.

    Din l-istorja mhix unika. Dan l-aħħar qrajna li fl-Istati Uniti l-kumpanija ta’ riċerka li ġiet imwaqqfa minn Derrick Rossi, iben immigranti Maltin, hija viċin li tiżviluppa vaċċin ieħor kontra l-COVID.

    Il-Papa Franġisku fl-enċiklika reċenti tiegħu Fratelli Tutti jirrifletti li “l-immigranti jekk jiġu megħjuna jemigraw, huma barka, huma sors ta’ arrikkiment u rigal ġdid li jħeġġeġ soċjetà tikber”.

    Sfortunatament, ir-retorika politika, speċjalment dik ta’ dawn l-aħħar snin, qed tħeġġeġ u teskala sens akbar ta’ mentalità diviżiva ta’ ‘aħna’ u ‘huma’. Din l-attitudni qed iċċaħħad l-opportunità biex jinbnew komunitajiet li huma aktar b’saħħithom ekonomikament u aktar inklussivi soċjalment u kulturalment. Ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna għar-realtajiet li qed ibatu miljuni ta’ nies, anke f’pajjiżi ġirien.

    Nisimgħu ta’  spiss minn fora internazzjonali li hemm bżonn li biex tissolva l-problema tal-immigrazzjoni jridu jitnaqqsu l-kawżi li qed iġiegħlu tant numru kbir ta’ nies li jfittxu li jemigraw.

    Kawża ewlenija għall-ispostament ta’ ħafna nies huma r-reġjuni milquta mill-gwerra. Pajjiżi li jesportaw l-armi min-naħa jitkellmu dwar il-promozzjoni ta’ paċi universali, iżda min-naħa l-oħra jibqgħu jużaw kull mezz biex jirbħu kuntratti ta’ bejgħ ta’ armi lil dittaturi, paramilitari u lil dawk li jabbużaw mid-drittijiet tal-bniedem.

    Rapport ippubblikat miċ-Ċentru għall-Politika Internazzjonali bbażat f’Washington juri li l-akbar esportaturi ta’ armi lejn l-Afrika u l-Lvant Nofsani huma l-Istati Uniti, ir-Russja, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u ċ-Ċina. Dawn jiddefendu lilhom innifishom billi jgħidu li l-bejgħ tal-armi jservi għall-istabbiltà u l-paċi. Madankollu, jidher ċar li dan ma kienx il-każ. Il-flus ta’ armi f’dawn it-territorji żiedu l-konflitti, iffaċilitaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, wasslu għal għadd ta’ mwiet ċivili, u ppermettew qirda ta’ komunitajiet kbar.

    Mill-aspett kummerċjali, l-ekonomiji tal-Punent baqgħu jisfruttaw pajjiżi foqra. Eżempju ċar hu fit-tkabbir tal-kafè u l-kawkaw li huma marbuta ma’ storja twila ta’ kolonjaliżmu u skjavitù. Il-produzzjoni ta’ din il-materja prima hija sors ta’ sfruttament, tħaddim ta’ tfal taħt l-età u degradazzjoni ambjentali. Il-bdiewa tal-kafè tipikament jaqilgħu biss bejn 7-10% tal-prezz bl-imnut tal-kafè. Fil-Brażil il-proporzjon jinżel għal 2% tal-prezz bl-imnut.

    Huwa faċli ħafna li nfarfru minn kull responsabbiltà u nippuntaw subgħajna lejn ħaddieħor. Madankollu dejjem nistgħu nagħmlu l-parti tagħna, żgħira kemm hi żgħira. Dan nistgħu nagħmluh billi  nixtru marki li jħaddnu valuri li jiffavorixxu d-dinjità tal-bniedem. B’hekk inkunu qed nivvutaw bil-kartiera tagħna. Kull darba li nappoġġjaw negozji jew marki etiċi nkunu qed nikkontribwixxu lejn ekonomiji aktar sostenibbli u ġusti.

    L-Arċisqof Charles Scicluna spiss ikkummenta dwar il-mod kif ir-residenti ta’ Ħal Balzan integraw b’suċċess lill-immigranti. Min-naħa l-oħra, meta dawn in-nies qed jiġu esklużi u jiġu imbottati fil-marġini tas-soċjetà tagħna, dan iwassal biex tinħoloq aktar diviżjoni, sfruttament u tiżdied il-kriminalità. Spiss isiru ilmenti li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jiġu ffurmati ghettos f’pajjiżna. Iżda m’aħniex qed naraw li hija l-attitudni tagħna u l-policies li jiġu addottati li qed iġiegħlu lil dawn in-nies biex jgħixu fil-periferiji tas-soċjetà tagħna u f’kundizzjonijiet inumani.

    Dalwaqt se niċċelebraw il-Milied. Ġesù kien refuġjat. Il-ġenituri tiegħu kienu vvjaġġaw distanza kbira f’ubbidjenza għal mandat politiku, li forsi ma fehmux għal kollox. Eżawriti mill-vjaġġ, Marija u Ġużeppi fittxew fejn joqogħdu iżda ħadd ma laqagħhom, għalhekk sabu kenn fi stalla.

    Matul is-sekli sebbaħna u rromantiċizzajna x-xena t-twelid ta’ Ġesù. Għaldaqstant tlifna ħafna mis-sinifikat ta’ din il ġrajja u nsibuha diffiċli li nagħmlu paragun bejn il-familja żagħżugħa fl-istalla fqira ta’ Betlehem u l-mewġa l-ġdida ta’ refuġjati li qed ifittxu post sigur fejn jgħixu, biex irabbu lil uliedhom u jgħixu ħajja diċenti.

     

    Claudio Farrugia

    Membru tal-għaqda Catholic Voices Malta