Ta’ kelma

    Min jagħti kelma, mbagħad irid iżommha. Min ma jżommhiex huwa ġifa. Mhux qed ngħid għall-fedeltà tal-miżżewġin biss, imma fi kwalunkwe wegħda li ma tinżammx tkun qed tbaxxi l-kobor tiegħek ta’ bniedem suppost bir-raġuni. Din tispikka fiż-żwieġ, imma l-istess patt imur għal xi wegħdi elettorali u anki meta int tidħol f’patt kwalunkwe, li jeħtieġ tirrispettah, bħal pereżempju selliftni €1,000 u jien għamilt patt miegħek li nagħtik €100 fix-xahar.   Jekk ma tasalx, ir-rispett jonqos, il-limitazzjoni umana toħroġ ċara u tmermer kull tajjeb li kellek, teqred kull m’għandek u kważi kważi ssir trab qabel il-waqt.

    Il-kelma tiġri u kważi kważi ħadd ma jibda jafdak. Mhux biss…imma l-bniedem li ġie mwiegħed u f’daqqa waħda njorat jiġi mkasbar. Meta tkun vulnerabbli, meta tħossok użat u kważi kważi abbużat, meta tibda tara raġġ dawl f’daqqa waħda mort għall-agħar u issa żdied il-frustrament tibda tirraġuna li int fid-dinja għax hawn il-wisa’.

    M’iniex nesaġera, imma dan hu kliem li smajt minn fomm bnedmin li qatgħu qalbhom fil-ħajja. Minn semmiegħa waqt il-programm li nagħmel kuljum “Telefonata ‘l Bogħod’  sa bnedmin li mmur magħhom il-housing u bnedmin oħra li niltaqa’ magħhom kuljum, spiss iħossuhom imħassra, immermrin u kważi kważi jippreferu l-qabar. Għax mhix ċajta li kandidat għall-elezzjoni ġenerali jgħidlek li jekk il-Ħadd li ġej, l-elezzjoni tintrebaħ minnhom, it-Tnejn jew it-Tlieta jmur magħha l-Ministeru biex tingħata appartament tal-housing. L-imbierek jum wasal, kollox kif kulħadd xtaq, biċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa għadha kif għaddiet, minbarra l-preżenza tad-deputat li għadu kemm ingħata l-ħatra ta’ Ministru.  Mhux talli ma jmurx magħha l-Ministeru, talli tipprova ċċempillu imma dan ma jweġibhiex u jispiċċa jaħrabha.  Għidli int x’jibqa fik!? Tajtu l-vot, u hu abbandunak. Imma xi wħud jaħsbu li għax vulnerabbli, tista’ tgħaddi ż-żmien bihom u tibqa’ għaddej.  Dawn ukoll huma ċittadini, anzi nażżarda ngħid bi preferenza, għax dawn jeħtieġu attenzjoni xierqa u kważi kważi b’urġenza.  Imma minflok sabu l-“baħħ”. L-importanti li l-kandidat tela’ fil-Parlament u laħaq l-aspettattiva tiegħu.

    Jekk taħseb ftit, dawn ġew imwaqqa’ għaż-żufjett. Tkompliet tiżdied fuqhom aktar tbatija u aktar stress. Il-ħidma politika hija xogħol speċjali, għal min jeħodha b’serjetà hija missjoni. Id-dinjità ta’ dawn trid titħares b’attenzjoni partikolari, l-aktar ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.    Biex tifhimhom, trid titħallat magħhom, jew tal-inqas xi bnedmin ikunu għaddewk mill-istess kalvarju, jew tal-inqas kalvarju simili.

    Is-sitwazzjoni ta’ bnedmin vulnerabbli u foqra, titlob risposta fl-immedjat.  Titlob għaqda u solidarjetà minn kulħadd u mhux tabbuża bihom.  Irridu naħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet għal ħajjithom u ma nħallu lil ħadd mingħajr sodda fuq xiex jorqod u mejda fuq xiex jiekol.   Fostna għandna sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.  Għandna żgħażagħ li minkejja l-kliem sabiħ ta’ futur dinamiku, minkejja l-iskemi li joħorġu minn żmien għall-ieħor, iżda xorta waħda ma jikkwalifikawx għal self mill-banek għax il-pagi tagħhom ma jlaħħqux biex jiżguraw il-pagament ta’ kull xahar.   Fostna għandna bnedmin li d-dħul tagħhom imur kollu għall-kera.  Araw ftit xi frustrazzjoni, dak li taqla’ trid tgħaddih lis-sid biex int ma tispiċċax rieqed fuq bank f’xi ġnien pubbliku.

    Nittama li Malta ma ssirx indifferenti quddiem dawn is-sitwazzjonijiet sensittivi u delikati.  Dawn l-istejjer qegħdin jitfgħu lura l-umanità, u li qed iġibu fix-xejn kull tama.

    Inżommu f’moħħna l-kunċett ta’ bniedem sħiħ, l-esiġenzi tar-rispett lejn kull bniedem bid-dinjità tiegħu.  Dan hu mpenn ewlieni fil-politika, li filwaqt li kull bniedem u l-vulnerabbli qatt ma jsofri diskriminazzjoni u jispiċċa abbużat fis-sens wiesa’ tal-kelma, nibqgħu infittxuh u nsegwuh u fuq kollox nissalvagwardjawh.  Dan hu l-kliem sabiħ, meta wieħed jitkellem dwar il-“ĠID KOMUNI”. Dan hu l-bażi tas-soċjetà, dan hu l-bażi u d-duttrina sħiħa ta’ kull min jidħol fil-ħajja politika.

    Dan xejn mhu impossibbli. Min jieħu bis-serjetà dan is-settur, u jiddedika ħajtu għal poplu, bl-għajnuna ta’ Alla JASAL! B’hekk biss nista’ qatt nibqa’ nissejjaħ denn u ġust, b’hekk biss nibqa’ nara l-linja li dħalt għaliha bħala għamla eminenti ta’ karità.