Suppost il-faqar ġie eredikat

    Is-sitwazzjoni tal-faqar, speċjalment in-nuqqas ta’ ikel li ħafna familji Maltin qegħdin isofru, għadha mhux qed tkun indirizzata bis-serjetà mill-Gvern Laburista. Kif ġie rrappurtat fil-gazzetti ewlenin, il-Victory Kitchen, li hi inizjattiva privata, tistma li pprovdiet ikliet lil iktar minn 6,000 familja mindu bdiet il-pandeminja tal-Covid u issa għaddejja bix-xogħol sabiex tkompli dawn l-attivitajiet tagħha b’risq eluf ta’ familji oħra li għadhom ma ntlaħqux.

    Kull jum li jgħaddi aktar familji qed isofru l-ġuħ!

    Victory Kitchen mhijiex l-unika inizjattiva favur il-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja, li bżonn ikla ta’ kuljum u affarijiet bażiċi tal-ikel għalihom u għal uliedhom. Jeżistu foodbanks u għajnuniet oħra li ilhom joperaw qabel il-Covid u ovvjament żiedu xogħolhom waqt il-Covid sal-ġurnata tal-lum. Wieħed allura jista’ ma jaħsibx f’kemm hawn verament bnedmin li għandhom bżonn din l-għajnuna? Wieħed jistenna li Gvern li suppost li jħaddan twemmin soċjalista, u li dejjem sab flus għal dawk tal-qalba, għall-iżviluppaturi, għal dawk li ilhom snin paxxuti, li għandu surplus u li jpinġi lilu nnifsu bħala s-salvatur tal-familji Maltin, li jxammar idejh u jibda jipprova jsolvi din is-sitwazzjoni b’mod permanenti! It-tqassim tal-oġġetti tal-ikel m’għandhomx jitqassmu lejlet xi elezzjoni, anzi lanqas biss misshom jeżistu! Il-familji Maltin m’għandhomx għalfejn jitkarrbu għall-ħtiġijiet bażiċi.

    Stħarriġ riċenti

    Sadanittant stħarriġ tas-SILC tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2019 juri li kważi 83,000 jinsabu f’xifer il-faqar.  L-istħarriġ tas-sena l-oħra, u ta’ qabilha, ma kienx biżżejjed għall-Gvern, ma serviex biżżejjed ta’ wake-up call avolja dan wera iswed fuq abjad li d-distakk bejn min hu sta bene, min jista’ u min m’għandux għaxja ta’ lejla żdied sew. Meta wieħed jifli dan ir-rapport jirrealizza u jitħasseb bis-serjetà. Għaliex bis-surplus u l-ġid li tant semmew, ma tqassamx għand kulħadd. Is-sitwazzjoni hija ċara dwar il-qagħda soċjali tal-Maltin u l-Għawdxin fil-faqar. Li 20% tal-pajjiż jinsab f’riskju ta’ faqar, ma jistax jissejjaħ pajjiż f’saħħtu u progressiv.

    Xi tfisser meta ngħidu f’xifer il-faqar? It-total ta’ persuni f’riskju ta’ faqar f’Malta fl-2019 kien ta’ 82,758, li minnhom 24,129 anzjan jinsabu f’riskju ta’ faqar, segwiti minn 16,857 tifel u tifla taħt it-18-il sena. Dan qed ngħidu fis-sena li kienet għadha ma bdietx il-pandemija. F’kull studju juri illi l-anzjani, dawk bla xogħol u familji b’ġenitur wieħed huma l-aktar gruppi ta’ bnedmin f’riskju ta’ faqar. Familji b’ ġenitur wieħed jgħoddu mas-7,221 li għandhom dħul annwali ta’ mhux inqas minn €9,212. Imbagħad insibu wkoll total ta’ 5,608 familji li għandhom tliet ulied jew aktar li huma f’riskju ta’ faqar.

    Imbagħad mas-7,704 persuni tgħix weħidha u li għandha aktar minn 65 sena. Ftit iktar minn 30% qalu li l-familja ma taffordjax tieħu mqar vaganza ta’ ġimgħa darba fis-sena lil hinn mid-dar.  Madwar 15% qalu illi ma jifilħux għal spejjeż li ma jkunux ippjanati, allura ibatu jekk jinqalgħu xi spejjeż bla mistennija fl-appliances jew ħsara infrastrutturali fid-dar.  Bejn 5% u 10% tal-parteċipanti qalu li waqgħu lura fil-pagamenti ta’ kontijiet tad-dawl u ilma, ħlas ta’ self u self fuq id-dar jew ħlas ta’ kirja.  Bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta’ nies ma jistgħux iżommu darhom sħuna b’mod adekwat fix-xitwa. Madwar 5% u 6% qalu illi ma jifilħux jieklu ikla b’laħam, tiġieġ, ħut jew ħaxix tliet darbiet fil-ġimgħa.

    Dan il-livell ta’ faqar, jista’ jħalli impatt negattiv fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-familji tagħna. Fil-fatt wieħed minn kull tlieta f’ħajjithom jesperjenzaw saħħa mentali matul ħajtu.    Inkwetanti f’dan il-perjodu, l-aktar bil-pandemija Covid 19, għal fatt li l-lista tal-bnedmin bla xogħol żdiedet u anki l-iżolament. Issa b’nuqqas ta’ sensittività, il-Gvern għalaq is-Psychiatric Unit f’Mater Dei u għabba l-kliniċi fil-komunitajiet. Aktar piż fuqhom mingħajr riżorsi.

    Ma jistax ikollna saħħa sana, mingħajr ma jkollna saħħa mentali tajba.

    Karba

    Nappellaw lill-Gvern sabiex isib ir-ruħ soċjali tiegħu mill-aktar fis possibbli qabel ma iktar familji jaqgħu għal dejjem fil-faqar. Il-Partit Nazzjonalista jibqajoffri l-għajnuna tiegħu lill-Gvern sabiex jibdew jitwettqu miżuri soċjali għall-ġid ta’ kull min għandu bżonn min jgħinu jqum fuq saqajh.  

     

    Ivan Bartolo MP huwa kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali.