Spiċċa żmien il-knisja?

    Il-Ħadd li għadda kienet ġurnata stramba u bħala se ngħixu aktar. Għall-ewwel darba f’aktar minn seklu u nofs fil-knejjes Maltin ma ġewx iċċelebrati quddies. Apparti nhar il-Ġimgħa l-Kbira, qatt fil-ħajja tagħna ma għexna xi ħaġa simili.

    Qed niċċaħħdu minn dak li mdorrijin nagħmlu, minn dak li għamilna sa minn ċkunitna. “Iċ-ċirkostanzi qegħdin iċaħħduna minn dan” stqarr Mons. Arċisqof waqt l-omelija tal-Ħadd li għadda li xxandret live mill-Knisja tal-Franġiskani fil-Ħamrun. 

    Rutini li jinbidlu

    Ir-rutini tagħna qegħdin jinbidlu u għal aktar minn 30% tal-popolazzjoni Maltija din kienet bidla konsiderevoli fir-rutina. Kienet qarsa kemm għal-laċji kif ukoll għall-qassisin u reliġjużi li ta’ kuljum ikunu f’kuntatt ma’ mijiet ta’ persuni biex iwassluhom il-faraġ u fuq kollox ikunu ‘viċin.’

    Ħafna qegħdin jagħmlu trażmissjonijiet Live fuq Facebook – dak li wħud kienu mdorrijin bih issa qegħdin “isibuh” online. Numru ta’ inizjattivi qegħdin jinbtu biex iwasslu dak li s-soltu jsir permezz tal-midja diġitali. Għall-quddiesa hemm skedi sħaħ, probabbli kull siegħa tista’ ssib xi waħda online, Eżerċizzi tar-Randan, rużarju eċċ. M’hemm xejn ħażin fih innifsu. Inizjattivi, uħud aktar kreattivi minn oħrajn, bi kwalità mhux dejjem eċċellenti, imma l-isforz qiegħed isir.

    Il-medium diġitali ma jħallix l-istess effett

    Għalkemm tgħaddi l-informazzjoni, għalkemm jintwera dak li qiegħed isir, dawn l-inizjattivi jilħqu l-iskop veru li għalih l-esperjenzi reliġjużi huma intenzjonati? Il-medium diġitali ma jħallix l-istess effett bħal meta tkun preżenti fiżikament. Li ‘tara’ online mhux l-istess bħal meta qiegħed hemm bilqiegħda. L-esperjenza hi kompletament differenti.

    Iżda jekk għalina biżżejjed li nisimgħu u naraw bħala spettaturi, kważi kważi qas hemm bżonn inkunu fiżikament preżenti. Jista’ wieħed sempliċement jagħmel dak li jsir is-soltu imma jxandru “live”. Iżda kif stqarr l-Arċisqof ikun aħjar jekk “neħduha bħala stedina biex naduraw lil Alla ‘fl-ispirtu u fil-verità.’”

    Veru li għal ħafna nies morda u anzjani fid-djar tagħhom din kienet u għadha n-norma li toffri ftit soljev. Dawn iċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu wassluna biex aħna bħalhom insumu minn dak li mdorrijin bih, tal-anqas għaż-żmien li ġej. Iżda tajjeb nistaqsu jekk dawn ir-ritwali, sarux l-idoli tagħna li mingħajr ma nafu ħadu post Alla.

    Diversi drabi l-poplu ta’ Iżrael, kellu jiċċaħħad mit-Tempju. Aħna wkoll qegħdin ngħaddu minn din l-esperjenza. Dawn iċ-ċirkostanzi huma stedina biex nagħrfu li l-qofol mhux it-Tempju – it-tempju hu l-medium li permezz tiegħu naduraw lil Alla fl-Ispirtu u l-Verità.

    Żmien il-knisja m’għaddhiex. Dak li qegħdin ngħaddu minnu hu opportunità biex bħala Knisja nagħrfu mill-ġdid ir-rwol tagħna, fl-era diġitali.