Soroptimist International of Malta

    Il-Ġimgħa, it-tletin ta’ Mejju numru ta’ nisa professjonisti ltaqgħu mal-President u mal-Prim Ministru ta’ Malta. Kellhom messaġġ importanti: talbu lit-tmexxija tal-pajjiż sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-mexxejja tad-dinja sabiex id-dritt għall-edukazzjoni għan-nisa u tfal bniet kollha fid-dinja ma jiġix mxejjen jew saħansitra ma jispiċċax. Dan għaliex jekk verament irridu li d-diskriminazzjoni u l-iskjavitu jispiċċaw minn wiċċ id-dinja, l-unika arma li għandna hija l-edukazzjoni.
    L-iskjavitu moderna mhix f’pajjiż jew kontinent wieħed imma mxerrda mad-dinja kollha. U nafu lit-tfal bniet jiffaċċjaw ħafna problemi u ntoppi sabiex ikunu jistgħu jattendu l-iskola, anke dik bażika. Fil-preżent, 65 miljun tifla mhux qed jattendu skola. Iżżejjed huwa nkwetanti l-fatt li f’ħafna pajjiżi tad-dinja, it-tfal bniet li qegħdin jattendu l-iskola ssibu ruħhom fil-mira ta’ vjolenza.
    L-inizjattiva tat-tletin ta' Mejju kellha l-fatt li madwar mitejn tifla nħatfu mill-iskola ġewwa n-Niġerja. Ma nistgħux nibqgħu b’ħalqna magħluq u passivi quddiem dawn l-atroċitajiet li qed isiru fid-dinja fis-seklu wieħed u għoxrin!
    Dawn il-grupp ta’ nisa huma membri ta’ għaqda internazzjonali u li għandha ukoll branka Malta: s-SOROPTIMIST INTERNATIONAL. Ilha Malta sa mill-1992 u għamlet ħafna xogħol bl-iktar mod silenzjuż u kwiet. Ħadmet ħafna f’dawk il-postijiet f’pajjiżna li huma żvantaġġjati għal raġuni jew oħra.
    L-għaqda tilqa fiha nisa professjonisti, li għalkemm ħafna jkun mħabbtha bix-xogħol u bil-familja, xorta jaraw kif isibu ħin sabiex jagħmlu ħidma volontarja b’risq is-soċjeta. Jiffukaw fuq il-bżonnijiet tal-bniet u n-nisa għax huma aktar żvantaġġjati u vulnerabbli, imma dan ma jfissirx li jaċċettaw atti kontra l-umanita jekk tkun qed issir fuq subien jew irġiel. Nemmnu li meta tipproteġi l-aktar vulnerabbli, tkun qed tipproteġi lil kulħadd.
    Soroptimist International of Malta jew kif inhi magħrufa fil-qasir, SI Malta, għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fuq dak kollu li b’xi mod ikun qed jaffettwa d-drittijiet umani anke jekk dan qed iseħħ il-barra minn xtutna. Filfatt, l-għaqda tinsisti li tqajjem kuxjenza fuq dak li qed isir il-bogħod minnha għaliex jekk naħsbu biss fuq dak li qed jiġri madwarna, inkunu qed naraw biss sal-ponta ta’ mneħirna.
    Fid-dinja hawn madwar 90,000 mara membru tas-Soroptimist International. Għandha 3,000 klabb f’iktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja u tinsab fil-kontinenti kollha.
    Din l-għaqda tispira azzjoni fil-membri tagħha u toħloq oppotunitajiet sabiex titrasforma bi proġetti tagħha l-ħajjiet ta’ nisa u tfal bniet billi taħdem f’network madwar id-dinja. Taħdem sabiex tassigura li kull tifla tilħaq l-għola potenzjal tagħha u tara li l-aspirazzjonijiet li jkollhom ma jinqerdux minħabba żvantaġġi ibbażati fuq diskriminazzjoni. It-tema prinċipali għal din is-sena hija ‘Educate, Empower and Enable’. L-għaqda għandha ukoll rwol konsultattiv bħala għaqda voluntarja fi ħdan l-Ġnus Magħquda.
    Min huwa nteressat jista jara s-sit: http://sigbi.org/Malta