Solidarjetà bil-provi

    Il-jiem ta’ festi u ċelebrazzjonijiet ġew u waslu fi tmiem tagħhom, iżda r-realtajiet tal-ħajja ta’ kuljum jibqgħu hemm. L-immigrazzjoni tibqa’ kwistjoni kurrenti. Bħalissa pajjiżna jinsab maqbud f’battibek mal-gvern Taljan, filwaqt li 49 immigrant jinsabu deħlin fit-tielet ġimgħa tagħhom fuq dgħajsa fuq il-bahar jistennew li tittieħed deċiżjoni.

    Meta nħarsu lejn l-immigrazjoni, irridu dejjem niftakru fl-element umanitarju, bnedmin bħalna li jaħarbu l-kunflitt f’pajjiżhom għal tama ta’ ħajja aħjar f’pajjiżi Ewropej. F’ċirkostanzi diffiċli bħal dawn, irridu nħarsu lejn il-valuri li nħaddnu bħala pajjiż. Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-valuri tas-solidarejtà u l-importanza tad-dinjità tal-bniedem. Il-Papa Franġisku f’appell li għamel mill-Vatikan, saħaq fuq l-importanza li bħala poplu nuru solidarjetà ma’ min għandu t-tama tal-futur tiegħu f’idejna. Dan għamlu wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna fejn ukoll saħaq fuq l-importanza li nuru solidarjetà ma’ min jinsab bejn sema u ilma fuq il-baħar Mediterran.

    F’kull deċiżjoni li tittieħed, għandna nżommu l-interessi ta’ pajjiżna f’moħħna. Biss ma rridux ninsew dak li nemmnu fih. Għalhekk filwaqt li rridu niġġieldu t-traffikar tan-nies irridu bil-provi nuru solidarjeta u tal-anqas inħallu lil dawn in-nies bħalna jidħlu fuq l-art sakemm isiru n-negozjati. Irrid nuri wkoll diżappunt għal mod kif il-gvern Taljan qiegħed iġib ruhu. Dan hu twissija li l-populiżmu ma jirriflettix il-valuri Ewropej speċjalment fil-kuntest tal-elezzjoni ta’ Mejju li ġej.