Soċjaliżmu għall-ħolqien tal-ġid

    Laqtuni ħafna l-kummenti li ta l-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, lil Politico fi Frar li għadda. L-iktar kumment li laqatni kien dak meta qal li rridu nikkonċentraw fuq il-ħolqien tal-ġid minflok ninħlew fuq argumenti dwar kif ser inqassmu l-ġid. Din hi d-differenza kruċjali li teżisti bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista fil-Gvern qiegħed dejjem jikkonċentra fuq il-ħolqien ta’ aktar ġid fil-pajjiż għax jaf li aktar ma joħloq ġid, aktar jilħaq is-saffi soċjali kollha bih u jgawdi kulħadd. In-Nazzjonalisti mhux hekk. Il-ħin kollu jgorru, ħafna paroli u azzjonijiet pożittivi kważi xejn.

    Agħar minn hekk, in-Nazzjonalisti ilhom li bdew kampanja barra minn Malta fil-fora tal-Unjoni Ewropea kontra l-Gvern Laburista. Din il-kampanja tipperikola serjament il-ħolqien tal-ġid f’Malta, tnaffar lill-investiment barrani u hi theddida għall-espansjoni ta’ dak li digà jeżisti f’pajjiżna. Dan l-aħħar, persuna li titla’ regolarment Brussell qaltli kif l-Ewropej jiskantaw meta jisimgħu Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista jitkellmu kontra pajjiżhom. Qaltli li aħna l-uniku pajjiż li għandu Ewro-Parlamentari li jagħmlu hekk. Naturalment, uħud mill-membri l-oħra tal-Parlament Ewropew jagħtuhom il-prosit lill-Ewro-Parlamentari Nazzjonalisti wara xi diskors kontra pajjiżna. Però, meta jkunu waħedhom, jitkażaw bihom.

    Għalhekk, fil-25 ta’ Mejju li ġej il-poplu Malti għandu għażla sempliċi quddiemu: jew jivvota lil min ġej minn partit politiku li moħħu biss kif se joħloq aktar ġid ħalli jgawdi minnu kulħadd, inkella jivvota lil min ġej minn partit politiku fejn jingħad ħafna paroli fuq kif għandu jitqassam il-ġid imma mbagħad qed jagħmel minn kollox biex iwaqqaf l-istess ħolqien tal-ġid bil-paroli żejjed fil-fora tal-Unjoni Ewropea.

    Il-politika tal-Partit Laburista hija waħda ta’ soċjaliżmu pożittiv għall-ħolqien tal-ġid, għalija, għalik, għal uliedna, kif ukoll għal ulied uliedna.