Sempreviva ta’ Għawdex

    Fil-gżejjer Maltin sal-lum nafu bi 18-il speċi ta’ fjuri slavaġġ li huma endemiċi, jiġifieri li jinstabu jikbru biss fil-gżejjer Maltin u mkien aktar fid-dinja. Waħda minn dawn hija s-Sempreviva ta’ Għawdex. Din il-pjanta endemika tikber biss fil-għarb (punent) ta’ Għawdex, u hawn tikber biss fuq il-Blata tal-Ġeneral fid-Dwejra, u mal-uċuħ weqfin tal-irdumijet tal-madwar fuq il-baħar. Jingħad li darba kienet tikber ukoll f’xi nħawi ewlenija f’Ħad-Dingli, imma llum ma għadhiex tinstab. 
    Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija arbuxell li tħobb ix-xemx u li togħla minn 30 sa 70 ċm. Tikber b’ ħafna friegħi fuq zokk li jkun iffullat bil-weraq.  Il-weraq ikunu forma ta’ lanza żgħira dritta ’l fuq li fuq il-wiċċ tagħhom ikollhom bħal xagħar li jtihom id-dehra fiddiena tagħhom. Imma meta jkunu mxarrba jidhru ħodor. L-għan ta’ dan ix-xagħar fin huwa biex jgħin  lill-pjanta mill-irjiħat qawwija u anki minn nixfa fis-sajf u hekk jgħinhom biex ma jinxfux.
    Il-fjuri tagħha huma sofor forma ta’ bukkett żgħir li jkun fih numru ta’ fjuretti tawwalin żgħar li għandhom riħa ta’ kari (curry). Il-fjuri jidhru bejn Mejju sa Ġunju.
    Meta dawn jinqatgħu jżommu l-kulur tagħhom għal numru ta’ snin, u għalhekk l-isem xjentifiku tagħha huwa sempreviva.
    B’diqa wieħed jgħid li din il-pjanta importanti fil-gżejjer Maltin dejjem qed tonqos fis-selvaġġ. Is-Sempreviva ta’ Għawdex hija mhedda, kemm minhabba li ma għandiex firxa wiesgħa fejn qed tikber, kif ukoll minħabba kemm nuqqas ta’ għarfien u t-telf tal-ambjent tagħha. Dan minkejja li din il-pjanta titnissel bl-ebda tbatija.
    Biċċiet mill-irduminjiet fejn tikber ġieli jaqgħu fil-baħar minħabba t-tħabbit tal-mewġ.  Dawn jiġu wkoll mgħejjuna min numru tat-theżżiż mill-furnelli li jintużaw fil-barrieri ta’ biswit. It-trubien li jtiru mill-barrieri l-aktar fil-ġranet tas-sajf xejn ma jgħinu lanqas, kif ma jgħinx l-anqas l-iskart li jitfa’ l-bniedem fl-inħawi fejn tikber.
    L-apprezzament tal-bniedem ma jistax ikun aktar fqir. U dan narawh minn numru ta’ pjanti invażivi li qed jiddaħħlu minn barra u jintużaw fl-hekk imsejjaħ ‘landscaping’ imħallas minn flus pubbliċi, bħal ngħidu aħna s-swaba tal-Madonna, l-agave American, mgħejjuna mill-bajtar tax-xewk, u siġar tat-tin li jikbru fl-irdumijiet. Il-bini biswit ukoll għandu l-impatt negattiv tiegħu.
    Minħabba f’hekk, din il-pjanta endemika, ewlenija u mhedda fil-gżejjer Maltin  hija mħarsa bir-regolamenti kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Avviż Legali 311 tal-2006 għall-ħarsien tal-flora u tal-fawna Maltija jħares lis-Sempreviva ta’ Għawdex u hekk “ebda persuna ma għandha deliberament tiġbor, tikkollezzjona, taqta’ taqla’ mill-għeruq, tiddistruġġi, jew tikkaġuna ħsara b’xi mod”.
    Barra minhekk l-ambjent naturali tagħha fid-Dwejra huwa ddikjarat bħala Wesgħa Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC – Special Area of Conservation) biex b’hekk kemm il-pjanta nnifisha, kif ukoll l-ambjent naturali tagħha jkunu mħarsa. U l-Blata tal-Ġeneral fejn tikber, hija wkoll Riserva Naturali, fejn ħadd ma jista’ jitla’ ħlief għall-għanijiet xjentifiċi.  
    Tant hija mhedda s-Sempreviva ta’ Għawdex li hija wkoll imniżżla fil-Kiteb l-Aħmar ta’ Malta (Red Data Book).
    Min-naħa Internazzjonali tinstab ukoll fil-lista numru I tal-Konvenzjoni ta’ Berna tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-ħarsien tal-ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali ta’ l-Ewropa, kif ukoll ġiet miżjuda fi skedi tad-Direttiva tal-Ambjent Naturali tal-Unjoni Ewropea meta Malta ssieħbet fl-2004.
    Skeda II tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tiġbor fiha speċi ta’ annimali u ta’ pjanti li huma ta’ interess għall-Komunità Ewropea u li għalhekk il-ħarsien tagħhom jeħtieġu li jiġu dikjarati Wesgħat Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) fejn jinstabu.
    Skeda V tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea tiġbor fiha speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess tal-Komunità Ewropea li għandhom ħtieġa ta’ ħarsien strett.
    Minħabba li tant hija mhedda hija wkoll imniżżla fil-lista tal-Unjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Natura (IUCN – International Union for the Conservation of Nature).
    Iżda dan waħdu mhux biżżejjed. Hemm bżonn aktar immanniġġar tal-post, infurzar tal-liġi, aktar riċerka, u aktar komunikazzjoni, edukazzjoni u tisħiħ tal-kuxjenza pubblika dwar dan.
    Skont l-obblilgi ta’ Malta bħala sieħba fl-Unjoni Ewropea, kull sit li ġie ddikjarat bħala Wesgħa Speċjali ta’ Konservazzjoni (SACs) għandu jiġi mmaniġġjati sa sitt snin mid-dħul fl-UE. Fl-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Awwissu 2015, kien hemm l-aħħar konsultazzjoni pubblika dwar dawn. Wieħed jittama’ li meta dawn jiġu approvati jibdew jittieħdu il-passi biex:

    • L-ispeċi invażivi lil qed jħeddu lill-pjanti endemiċi f’dawn il-wesgħat, fosthom is-Sempreviva ta’ Għawdex, jiġu eleminati, l-aktar is-swaba tal-Madonna li qed toħnoq lis-Sempreviva ta’ Għawdex bħalma qed toħnoq pjanti slavaġġ fi nħawi oħra. Sfortunatament din il-pjanta għadha qed titħawwel fl-hekk imsejħa ‘lanscaping’ u hekk hemm bżonn li l-Ministru tal-Trasport u l-Landscaping, li huwa responsabbli għal dan,  jiġi mġiegħel biex iwaqqaf din il-ħsara ekoloġika .
    • Jitħejja programm ta’ azzjoni biex is-Sempreviva ta’ Għawdex (u speċi oħrajn rari u mhedda) jibdew jiġu mnissla u jintużaw madwar il-pajjiż minflok dawk il-ħafna speċi importati ukoll imħallsa minn flus pubbliċi, li qed jagħmlu ħafna ħsara lill-ekosistema Maltija.
    • Isir pjan ta’ immaniġġar tal-post fejn tikber is-Sempreviva ta’ Għawwdex biex jikkontrolla t-tgħaffiġ u t-tqaċċit tagħha bla kontrol li jeżisti llum, kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti.
    • Isiru studji u monitoraġġ biex jinstabu l-għala din l-ispeċi endemika qed tonqos fis-selvaġġ.
    • l-attività kummerċjali fid-Dwejra, anki dik turistika, issir b’mod sostenibbli biex din il-pjanta unika fid-dinja ma tinqeridx.

    Wieħed jittama’ li jibda’ jara din il-pjanta endemika Maltija mħawla kemm f’postijiet urbani kif ukoll fil-ambjenti naturali xierqa, dejjem  bl-approvazzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Ambjent, kemm biex titqajjem aktar kuxjenza pubblika lejha, kif ukoll biex ikollha aktar ħarsien u ma tinqeridx minn wiċċ id-dinja.
    Isem Malti: Sempreviva ta’ Għawdex
    Isem xjentifiku: Helichrysum melitense

    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent
    aebaldacchino@gmail.com
    alfredbaldacchino.wordpress.com