Se nkomplu nippersegwitaw lil-Laburisti kollha li kienu jattakkaw lil Daphne?

    Bħalissa qed naraw kampanja ta’ attakki fuq dawk il-Laburisti li kienu jattakkaw lill-blogger Daphne Caruana Galizia. Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li dawn l-attakki laħqu l-livell ta’ persekuzzjoni. Donnu ċerti nies qed jabbinaw dak li ġara lil Daphne, li huwa dejjem kundannabbli, ma’ kull tip ta’ kritika li saritilha tul ħajjitha. Dan huwa verament inġust.

    Irridu niftakru li Daphne Caruana Galizia attakkat ħafna nies b’mod qawwi ħafna permezz tal-kitba tagħha. F’pajjiżna għandna l-libertà tal-espressjoni, għalhekk mhux se nidħol fil-merti tal-kontenut tal-kitba tagħha. Però, imbagħad nikkundanna lil dawk l-ipokriti li jippretendu li Daphne kellha kull dritt tikteb dak li kitbet imma ħaddieħor ma kellux dritt jirrispondi għall-aġir tagħha bl-użu tal-media, partikolarment tas-social media.

    Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li kienu jikkritikaw lil Daphne Caruana Galizia la huma kriminali u lanqas għandhom xi konnessjoni mal-qtil brutali tagħha. Mhumiex responsabbli għal dak li seħħ. Kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni bħalma kienet tagħmel Daphne nniffisha. Hija banalità assurda li tgħid li bl-azzjonijiet tagħhom inħolqot klima ta’ impunità u poġġew lil Daphne fil-periklu.

    Hemm bżonn li din il-persekuzzjoni ta’ Laburisti li kienu jattakkaw lil Daphne Caruana Galizia tul ħajjitha tieqaf darba għal dejjem. Għaliex issa ċerti nies dejjqu lil kulħadd. Donnu jippretendu li Daphne Caruana Galizia għandna npoġġuha fuq xi pedestall u min xi darba qal xi kelma kontriha nikkundannawh. Irridu niftakru li Daphna kienet ġurnalista u għalhekk suġġetta għall-kontroversja pubblika. Hi kienet tikkritika permezz tal-blogg tagħha u ħaddieħor kien jirribatti din il-kritika. Hi kienet tuża l-libertà tal-espressjoni u ħaddieħor kien jagħmel l-istess.

    Il-libertà tal-espressjoni mhix xi dritt ta’ ċerti nies biss, hija dritt ta’ kulħadd. X’jippretendu ċerti segwaċi ta’ Daphne? – Li hi kellha dritt tgħid li trid u ħaddieħor ma kellux dritt jirrispondiha u jattakkaha wkoll? – Meta se jitgħallmu ċerti nies li l-Laburisti mhumiex xi nies agħar minn ħaddieħor u li għandhom l-istess drittijiet daqs l-oħrajn?

    Tajjeb li ngħożżu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u li issa, wara mewtha, ma ngħidux diskors li jista’ jweġġa’ lill-familja tagħha. Però, inħallu fil-kwiet lill-maġġoranza kbira tal-Laburisti li kellhom xi kwistjoni magħha tul ħajjitha u li ma jaħtu xejn għal mewtha.