Se jwarrab għalkollox mill-Parlament?

    PL

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li se jwarrab. Nifhem li l-laqgħa li hu kellu mal-ambaxxaturi f’pajjiżna fil-jiem ta’ qabel din it-tħabbira, tagħti ħjiel ta’ din it-tħejjija. Nifhem ukoll li l-Prim Ministru se jwarrab għalkollox mill-Parlament.

    Hi ħasra li bniedem li seta’ jkun statista kbir intilef f’kobba mħabbla ta’ ħmieġ fejn hu refa’ r-responsabbiltà politika għaliha.

    Ir-riċetta li pajjiżna għandu bżonn ħalli jirbaħ saħħtu minnufih għandha tikkonsisti minn ġustizzja sħiħa, tindifa fil-fond u tmexxija li tkun ’il bogħod minn dan il-perjodu iswed f’pajjiżna.

    Alfred Sant, fuq Facebook stqarr “li numru minn dawk li jikkritikaw lil dan il-Gvern mhumiex kredibbli għax jippreżentaw ruħhom bħala qaddisin…talli kienu jagħmlu parti minn magna maħsuba biex tgħatti u tiskuża dawn l-abbużi”. Ir-raġuni xorta tibqa’ li l-ħażin qatt m’għandu jitpinġa tajjeb, jagħmlu min jagħmlu u m’għandu qatt jiġi ġustifikat. Li hu żgur hu, li għandna dejjem nibqgħu nħaddnu “t-tolleranza żero” kontra l-korruzzjoni.

    F’dawn il-jiem ta’ sogħba ta’ spiss feġġew lura diversi esperjenzi. Ħriġt għall-elezzjoni tal-2013 ma’ Moviment li ħaddan il-prinċipju ta’ Malta Tagħna Lkoll u l-għajta ta’ Partit Laburista li se jibni fuq it-tajjeb u jelimina l-ħażin. Ħdimt minn ġewwa biex innaddaf il-Gvern Laburista (2013-2017) billi għożżejt  il-valuri li għandhom jagħrfuna u jagħtuna identità. Spiċċajt qtajt qalbi li t-tajjeb se jirrenja fil-governanza tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

    “Konna Gvern essenzjalment tajjeb, iżda l-għemil ħażin li ma ġiex irrimedjat f’waqtu ħalla riperkussjonijiet li tefgħuna wiċċna mal-ħajt. Tlifna l-fibra morali. Ma rnexxilniex ngħaqqdu poplu wieħed. Il-poplu aktar ħieles spiċċa għatxan għall-verità. Wasalna f’punt li qed nagħtu isem ħażin lil Malta tagħna, barra minn xtutna” kont ktibt fl-ittra tar-riżenja minn Whip fl-2017 jumejn qabel ma tħabbret l-elezzjoni bikrija.

    Kemm kont ħadt keded u tnikkitt tul l-aħħar tliet snin ta’ dik il-leġislatura.

    Wara li rriżenjajt, iffaċċjajt elezzjoni f’isem il-Forza Nazzjonali biex nagħti tama ġdida lil pajjiżna, billi l-ħażin tal-Partit Nazzjonalista ninnewtralizzah b’għemili. Ma rnexxiex. Il-poplu ħasibha mod ieħor.

    Erġajt ksibt is-siġġu rappreżentattiv tal-poplu. Bqajt naħdem u għadni naħdem b’pajjiżi f’qalbi, kontra kull kurrent. Ma nistax ma nirreferix għall-governanza ħażinau l-impunità tal-Gvern u ta’ kull min qed jiffaċilita dak li jagħmel jew ma jagħmilx;ir-renju moqżież tat-tmexxija ta’ bħalissa.

    Dawn huma ftit mill-ħsibijiet li għaddew bħal leħħa ta’ berqa.

    Issa hemm bżonn li l-Gvern Laburista u mhux Joseph Muscat, isib u jwitti t-triq għal pajjiżna u għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, jekk vera Malta hi qalbna.

    Din hi opportunità li tista’ tissarraf biex il-gvern tal-Labour jiġġedded.

    Għandha lkoll kemm aħna jkollna tama ta’ gvern li jkun mera ta’ dinjità, onestà u ġustizzja li tissarraf f’bidla dejjiema.

    Jien għad għandi t-tama, u l-piż jaqa’ wkoll fuq il-Laburisti ta’ rieda tajba.