Se jogħlew il-prezzijiet tal-importazzjoni għax iċċaqlaqna tard wisq!

    Għadu kemm ħareġ ir-riżultat tal-vot fuq id-Direttiva u r-Regolament tat-Trasport. Sfortunatament kelli raġun. Kif kont allertjajt fil-bidu tas-sena, il-Gvern iċċaqlaq tard wisq. Ma rnexxielu jbiddel xejn. Dawn ir-regoli l-ġodda se jolqtu ħażin il-manifattura kollha ġo Malta.

    Kulma nipproduċu se jiġi aktar għoli biex nesportawh fl-Ewropa. Din hija daqqa ġol-istonku għall-kompetittività ta’ pajjiżna għax pajjiżi oħra ċentrali mhux se jintlaqtu bħalna. Mistennija jogħlew ukoll il-prezzijiet tal-importazzjoni. Skont riċerka li saret fl-Amerika l-prezz tat-trasport bit-triq jirrappreżenta 18% tal-prezz tal-prodott bħala medja. L-operaturi Maltin se jintlaqtu direttament minn dawn ir-regoli. Se jidħlu fi spejjeż ġodda li jinkludu xiri u manteniment ta’ aktar trakkijiet biex ikopru l-obbligu tal-waqfien kull tmien ġimgħat.

    Se jkollhom ukoll ibiddlu l-organizzazzjoni loġistika tal-operat tagħhom ġaladarba mhux se jkunu jistgħu jieqfu aktar minn tliet darbiet f’kull pajjiż, meta sa issa kienu jieqfu sa 10-15-il darba fiż-żoni industrijali. Dan huwa każ ieħor ta’ Ewropa li mhux se tibqa’ tiġina tajjeb għax ma konniex kapaċi nadattawha għall-bżonnijiet tagħna. L-inkompetenza tal-Gvern qed tqarrabna, biċċa biċċa, sena wara sena, biex aktar nies jibdew jumbraw l-Ewropa li minflok qed tkun lok ta’ opportunitajiet kif suppost, qed twassal għal aktar restrizzjonijiet.