Santa Marija u l-Maltin f’Għawdex

    Briana Tozour, Unsplash

    Ma tantx hemm dubju f’għajnejn min irid ikun oġġettiv illi fil-gżejjer Maltin il-festa ta’ Santa Marija hi fost l-aqwa li jiġu ċċelebrati matul is-sena kollha. Apparti li din il-festa hija kumplimentata bħala festa pubblika, din taħbat eżatt fil-qalba tas-Sajf, fi żmien fejn ħafna jkunu qed jieħdu l-vaganzi tagħhom u saħansitra ħafna entitajiet privati jkunu magħluqa għan-negozju magħruf bħala x-shutdown.

    Għawdex mhux xi eċċezzjoni għal dan kollu. Anzi fil-jiem ta’ qabel u wara l-ħmistax ta’ Awwissu, Għawdex jerfa’ piż ferm u ferm akbar minn dak li jerfa’ tul il-bqija tas-sena. Apparti t-turiżmu estern, li jkun fl-aqwa tiegħu f’dan iż-żmien partikolari tas-sena u li allura jikkonsma l-maġġor parti tas-sodod disponibbli f’dan is-settur, Għawdex jirċievi wkoll kwantittà mdaqqsa ta’ turiżmu intern u ċioe Maltin li jaqsmu lejn Għawdex biex iqattgħu l-vaganzi tagħhom fil-gżira ż-żgħira.

    Dak kollu hu ta’ barka għal Għawdex. Kull negozju fis-settur konċernat u relatat jiffjorixxi. Imorru tajjeb mhux biss ir-ristoranti, lukandi u farmhouses u kull min imiss magħhom f’xogħlu, iżda jintlaqtu b’mod pożittiv entitajiet oħra, bħal stabbilimenti tal-ħwejjeġ, supermarkets, min ibiegħ il-fjuwil, dawk li jissupplixxu u diversi oħrajn fil-katina tas-suq.

    Iżda l-Għawdxi qed jibża’ għal din il-barka ta’ ftit jiem fis-sena? Kultant iva u kultant le. Hu fatt magħruf illi xi sidien ta’ negozji b’mod speċjali ristoranti għandhom żewġ prezzijiet: wieħed għal-lokal u l-ieħor għall- Malti jew għall-barrani. Għalkemm din mhix xi ħaġa daqshekk mifruxa, sfortunatament baqa’ minoranza li jimplimentawha. Negozji bħal dawn qed jagħmlu ħafna ħsara lil Għawdex u bla ma jafu lilhom infushom.

    Simili bħal dan il-każ, ċertu sidien ta’ farmhouses jabbużaw minn min jikri minn għandhom. Jitolbu prezzijiet eseġerati biex imbagħad joffru servizz medjokri billi jippreżentaw post tal-mistħija. Ħarsa lejn siti soċjali fejn jitħallew kummenti dwar dawn l-alloġġamenti kultant tħallik imbellah. L-agħar ħaġa li dawn l-anqas biss ikunu registrati mal-awtoritajiet konċernati. Ħafna drabi pero l-awtoritajiet, ikunu jafu b’dan kollu, u qed ikunu bla snien u jħallu l-affarijiet għaddejjin, jew altrimenti biex jidrhu qed jagħmlu xi ħaġa jindirizzaw lill-persuna żbaljata jew jibdew xi ħaġa u jħalluha tmut fuq ruħ ommha. Dan nafu jien personalment mhux biss għax esperjenzajtu iżda għaliex anke bħala Avukat li nipprattika regolarment f’Għawdex ma nara l-ebda prosekuzzjoni ta’ dawn it-tip ta’ abbużi meta Għawdex kollu jaf bihom.

    U la qed insemmi l-farmhouses ma nistax ma nħarisx lejn in-naħa l-oħra tal-munita. Ħafna sidien li qiegħdin josservaw il-liġi billi joffru servizz ta’ farmhouses xieraq u diċenti min-naħa l-oħra jispiċċaw vittma ta’ min ikun kera minn għandhom, bi tkissir, ħsara u vandaliżmu ieħor. Issib sidien li jgħidulek ċar u tond “Jien għall-Maltin ma nikrix, jien nikri lill-barranin biss”. Esklamazzjoni bħal din għandha tweġġa’ lil kull ċittadin Malti, iżda mhux se nagħti tort lil min jikri li jipprova jevita l-vandaliżmu fi ħwejjġu. Veru li llum ħafna jieħdu prekawzjoni billi jitolbu depożitu jew addirittura jitolbu l-karta tal-idendità tal-kerrej biex tinżamm sal-aħħar tal-kirja (prattika li ma nafx kemm hi xierqa legalment); iżda dawn il-każijiet ikomplu jiġru. L-agħar ħaġa hi li tmur tagħmel rapport mal-pulizija għall-ħsara li tkun sofrejt u l-pulizija biex ifarfar jgħidlek ‘din ħaġa ċivili, l-aħjar tmur tfittixhom b’avukat’. Fi kliem ieħor ikun qed jghidlek li biex hu ma jagħmilx xogħlu għandek tibla’ kollox, u titqanna bil-ħsara kollha int.

    Osservazzjoni oħra li ssir f’dawn il-ġranet hu l-aġir ta’ ċerta sidien ta’ ristoranti. Tarhom jarmaw imwejjed u siggijiet fuq barra ferm aktar minn dak li hu permess; jokkupaw kull bankina u kantuniera li jkun hemm vojta qrib l-istabbiliment. Saħansitra tara każi f’bajjiet popolari fejn jintramaw mwejjed fuq ix-xtajta (litteralment fuq ir-ramel). Ristorant li kapaċi jitma mitejn ruħ f’daqqa waħda jiġi jiflaħ tlett mija u anke aktar. Apparti l-illegalità li jinsterqu l-ispazji pubbliċi u li għal darba oħra l-awtoritajiet biss ma jindunawx bihom, dawn ir-ristoranti li jżidu l-kapaċità tagħhom b’dan il-mod jibqgħu bl-istess numru ta’ impjegti u servizzi bir-riżultat illi s-servizz offrut ikun wieħed nieqes kemm mil-lat ta’ ikel servut kif ukoll mil-lat ta’ kwalità tas-servizz mogħti.

    It-turist intern f’Għawdex għandu jigi aprezzat daqs it-turist barrani jekk mhux aktar (għax it-turist Malti mhux ta’ darba); iżda dan ma jistax isir jekk l-awtoritajiet ma jagħmlux il-parti tagħhom kif suppost. Id-dixxiplina sabiħa f’kollox, aktar u aktar ma minn hu abbużiv. Naf li fil-passat kien hemm diversi appelli bħal tiegħi li kollha spiċċaw vox clamantis in deserto. Nispera li appelli bħal dawn ma jibgħqux jiġu skartati minn l-istess awtoritajiet li qiegħdin hemm biex jimplimentawhom. U dan għall-ġid ta’ kulħadd.