Sabutaġġ kontra Casa? – Inkwiet fil-PN

    Kif qatt jista’ l-poplu Malti jkollu fiduċja fil-Partit Nazzjonalista? – Dan partit politiku li, kull tant żmien, dejjem ikollu xi kwistjoni interna. Fi żmien li tal-PN kienu qed jiftaħru li għaddej proċess ta’ ristrutturar tal-Partit u bħal riedu jagħtu l-impressjoni li kienu għaddejjin minn xi rinaxximent, faqqgħet bħal sajjetta fil-bnazzi l-kwistjoni David Casa. Kwistjoni dwar jekk kienx sar attentat minn Yorgen Fenech biex tiġi sabutaġġjata l-kandidatura ta’ Casa fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew billi tħallset somma ta’ flus għal dan il-għan lil xi ħadd fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

    Sew is-Sur Yorgen Fenech u sew il-Partit Nazzjonalista ċaħdu kategorikament din l-akkuża, magħmula minn Melvin Theuma u li fl-2019 kienet issemmiet ukoll minn David Thake li kien sostna li xi ħadd fil-Partit Nazzjonalista ġie offrut somma ta’ flus biex ma jitlax David Casa. Iżda l-istess Membru Parlamentari Nazzjonalista, l-Onorevoli David Thake, iddistanza ruħu miċ-ċaħda tal-PN u qal li se jkun qed jitlob lill-Partit biex jagħmel investigazzjoni interna dwar din il-kwistjoni.

    Sadanittant, il-Kap Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, caħad permezz ta’ affidavit li hu qatt irċieva xi flus biex David Casa ma jiġix elett Membru Parlamentari Ewropew. Issa ddaħlet il-pulizija wkoll fil-każ. Insomma, jidher ċar li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ.

    Kif jidher li jkun qabad id-direzzjoni t-tajba, tfaqqa’ xi kwistjoni interna li tirvina kollox. Għax minkejja l-fatt li Dr Adrian Delia qed jipprova jagħti l-impressjoni li din il-kwistjoni hija kollha kemm hi xi manuvra min-naħa tal-media tal-Partit Laburista biex jitħammeġ isem il-Partit Nazzjonalista għal skopijiet politiċi partiġġjani, il-poplu mhuwiex injurant u jaf li din tinvolvi Membru Parlamentari Nazzjonalista li mhux sodisfatt b’sempliċi dikjarazzjoni tal-PN li l-każ qatt ma seħħ.

    Nistaqsi: “Kif jista’ qatt il-poplu Malti jkollu fiduċja fil-Partit Nazzjonalista meta jara affarijiet bħal dawn?”. Kwistjoni waħda wara l-oħra u l-Kap, Dr Adrian Delia, qisu xi ċippitatu jdur fin-nofs! – Dan partit politiku li tista’ tafdah bil-gvern tal-pajjiż? – Le, ħbieb, m’hemmx alternattiva għall-Partit Laburista.