Sabiex dawk li għandhom anqas ikollhom iktar

    Unsplash

    Il-Milied għadda. Tassew li dan perijodu tas-sena huwa sinonimu mal-kunċett ta’ “għotja”. Alla tana lill-ibnu, il-Maġi taw ir-rigali, aħna wkoll nagħtu rigali lil xulxin. Kulħadd jipprova li jkun iktar ġeneruż, u jagħmel “xi ħaġa” għall-ġid.

    Impressjonanti, kif il-Maltin jagħtu flejjes kbar għall-karità f’dan il-perijodu, u mhux biss f’dan il-perijodu. Huwa għalija paradossali kif imbagħad insibu diffikultà fil-politika biex dak li nwettqu fil-karità napplikawh b’mod strutturat biex neliminaw il-faqar minn pajjiżna. Naħseb, madwar 80 elf persuna fuq ix-xifer tal-faqar huwa indikattiv ferm li dak il-ġid materjali kollu li ġie ġġenerat f’pajjiżna ma laħaqx lil ħafna nies, lil wisq nies. Hemm xi ħaġa żbaljata.

    Irrid ngħid li jien ma naqbilx mal-kunċett li tniżżel lil dawk li għandhom ħafna biex iġibhom eqreb lejn dawk li għandhom inqas. Din l-idea diġà ġiet ittestjata fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet u naħseb li ma ħadmitx kif kien qed joħlom minn ħasibha.

    X’aktarx li t-taqbida bejn il-klassijiet tispiċċa bil-klassijiet kollha telliefa. Anki jekk isir xi tip ta’ progress, dan il-progress jiġi mtappan wisq b’mibegħda, b’kunflitt u b’għira. Jien nemmen li wieħed jista’ jkollu riżultati aħjar bil-kooperazzjoni bejn il-faxex differenti tas-soċjetà. Dak kien il-paradigm shift tad-disgħinijiet.

    Ħtieġa ta’ paradigm shift ieħor

    Issa jidher hemm ħtieġa ta’ paradigm shift ieħor. Jien inħoss li dan l-aħjar isir billi dawk li għandhom iktar jidħlu sħab mal-gvern biex jgħinu lil dawk li għandhom inqas. Mingħajr ma jitleġġmu, bla ħtieġa, milli jagħmlu d-dħul dovut għal xogħolhom u għar-riskju li jieħdu kuljum. Se nikkwalifika ftit il-frażi “jidħlu sħab mal-gvern”. B’dan ma rridx ngħid li l-membri tal-gvern (ministri, membri parlamentari, uffiċjali pubbliċi eċċ) jagħtu direct orders, tenders eċċ, u jieħdu kickbacks, commissions jew favuri oħra bħala korrispettiv għal dik l-għotja. Dik hija tip ta’ għotja perversa. Hija korruzzjoni, u hija l-maqlub ta’ dak li qed ngħid li għandu jsir.

    Ħafna minn dawk in-nies li jieħdu dawn it-tip ta’ favuri, ma jirrealizzawx li fl-ewwel lok, meta jħallsu kickback, qed iħallsu tip ta’ “taxxa illegali” li tista’ tikber minn favur għall-ieħor, ftit kif jiġri fl-użura, u li fit-tieni lok dik it-“taxxa illegali”tmur fil-but ta’ xi ħadd partikolari, minflok tmur għal ġid ta’ kulħadd. Qed jeħduha minn ħalq it-tfal tal-oħrajn, tal-morda tal-oħrajn, tal-anzjani tal-oħrajn. Il-lista ta’ dawk milquta hija twila.

    Minħabba li hija “taxxa illegali” u naturalment mhux irregolata, dik il-kickback tista’ darba tkun ta’ EUR 100, id-darba li jmiss ta’ EUR 1000 u darba ta’ wara ma tieħux il-kuntratt jekk il-kickback ma tkunx iktar għolja…naturalment min jieħu l-kickback mhux qed jagħtik il-kuntratti għall-ħelu wiċċek iżda se jipprova jimmassimizza r-rgħiba tiegħu, u għalhekk jekk jiġi xi ħadd ieħor li jiflaħ iħallas EUR 2000 bħala kickback, għax ikbar minnek, u jrid jeliminak mis-suq, biex igawdi s-suq b’inqas kompetizzjoni, ibqa’ żgur li jħallashom, u li dak li jieħu l-kickback se jagħtih lilu l-kuntratt u mhux lilek!

    Għaldaqstant, meta ngħid li min għandu iktar ma rridux nleġġmuh mingħajr ħtieġa, qed infisser li ma għandux ikun hemm ostakoli burokratiċi żejda.

    Il-prinċipju funzjonali hawnhekk huwa li “dak li għandu iktar” jaqsam ma’ “dak li għandu inqas”, b’mod strutturat. B’inqas nies fuq l-għatba tal-faqar min mhux fqir imur aħjar ukoll. Ma tistax tbiegħ dundjan lil min ma jistax lanqas jixtri tiġieġa.

    Fejn falla l-Gvern

    Ħafna nies ħasbu u emmnu li l-Partit Laburista seba’ snin ilu kien se jwettaq din it-tip ta’ filosofija. Il-ġid tagħna lkoll. Madankollu, ikolli ngħid, li dik l-aspettattiva ġiet drastikament miċħuda. Naturalment, saru xi affarijiet tajbin. Pero, dan il-gvern naħseb falla fuq iż-żewġ livelli li qed insemmi hawnhekk: (a) l-korruzzjoni istituzzjonalizzata saret qisha “taxxa illegali” krexxenti u addizzjonali biex tagħmel in-negozju; u (b) li l-ġid kollu li nħoloq ma wasalx għand dawk li għandhom l-iktar bżonn.

    It-tama tiegħi u ta’ ħafna oħrajn issa ddur lejn il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Bernard Grech, li potenzjalment u possibbilment jista’ jkun qed imexxi l-pajjiż sentejn oħra, biex jurina tip ta’ politika li tħaddan dan il-prinċipju li dawk li għandhom iktar jgħinu lill-gvern sabiex dawk li għandhom inqas ikollhom iktar. Hekk meta dawk tal-aħħar ikollhom iktar, dawk li għandhom iktar jmorru aħjar ukoll. Ċirku virtwuż. Din hija l-ġustizzja distributtiva li twassal għall-ġid komuni. Dan huwa l-messaġġ moħbi fil-kunċett ta’ “għotja” li jġib miegħu il-Milied. Mhux biss nagħmlu “xi ħaġa”, iżda li nagħmlu l-“ħaġa”.