Riżervi dwar in-negozjati ta’ BREXIT bejn l-UE u r-Renju Unit

    Reuters

    Nesprimi r-riżervi tiegħi dwar il-mod kif qed jipproċedu n-negozjati tal-BREXIT bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, fejn iż-żewġ naħat iddedikaw wisq ħin jinsistu fuq il-pożizzjonijiet inizjali tagħhom matul in-negozjati.

    Sabiex jintlaħaq ftehim f’kwalinkwa negozjati, l-għan għandu jkun dak li jintlaħqu kompromessi aċċettabbli u sodisfaċenti bejn iż-żewġ naħat.Għalkemm ivvotajt favur riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew intitolata “Rakkomandazzjonijiet dwar in-negozjati għal sħubija ġdida mar-Renju Unit u l-Irlanda ta’ Fuq”,  ma jidhirx li qegħdin qrib li nilħqu din il-mira fin-negozjati attwali tal-BREXIT.

    Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni b’maġġoranza kbira u rrikonoxxa s-sejħa mill-partijiet li qed jinnegozjaw biex jintensifikaw it-taħdidiet f’Lulju. Permezz tar-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew qed jiddispjaċih li d-differenzi jibqgħu sostanzjali filwaqt li fadal ftit żmien biex jintlaħaq ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

    M’hemm l-ebda skop li twaħħal biss f’naħa waħda għal dan; it-tnejn huma responsabbli. Intant, reċessjoni ekonomika enormi qed tersaq fil-viċin. Il-pessimiżmu dwar ir-riżultat tan-negozjati tal-BREXIT jew il-falliment tagħhom, ser iservi biss biex ikabbar ix-xejriet negattivi f’ħafna oqsma. Dan għandu jitqies bħala inaċċettabbli minn dawk kollha kkonċernati.

    Iż-żewġ naħat madwar il-mejda tan-negozjati għandhom bżonn iwaqqgħu l-atitudnijiet riġidi u dommatiċi tagħhom. Għandhom jieqfu jikkunsidraw it-taħdidiet bħala mod kif jagħtu sinjali lil partijiet terzi dwar l-implikazzjonijiet tal-BREXIT, li issa huwa fait accompli. Il-prijorità għandha tkun dik li wieħed jasal għal ftehim raġonevoli malajr kemm jista’ jkun.