Regolamenti tal-bini

    Għaddew kważi xahrejn mit-traġedja li ħakmet lill-Grenfell Tower f’Londra. Dan il-bini ta’ 24 sular, b’iktar minn 150 appartament, ħa n-nar fil-lejl tal-14 ta’ Ġunju, milli jidher wara li żviluppat ħsara fil-friġġ ta’ wieħed mill-appartamenti. Kellhom jidħlu ‘l fuq minn 200 ħaddiema tat-tifi tan-nar u 40 fire engine sabiex jikkontrollaw in-nirien, iżda għal 80 persuna li kienu jgħixu f’dan il-bini dik kienet l-aħħar lejla tagħhom f’din id-dinja. 
    L-awtoritajiet Ingliżi kkonkludew li wieħed mill-fatturi li ggravaw is-sitwazzjoni kien it-tip ta’ cladding li ntuża meta l-bini ġie rrinovat ftit tas-snin ilu. Cladding huwa dak il-materjal li jintuża biex jagħlaq il-faċċata ta’ binja. Ħafna drabi jitqiegħed fuq l-istruttura, u jkun magħmul minn materjali bħall-ħġieġ, tipi ta’ metall jew ċeramika. Fil-każ ta’ Grenfell, intuża materjal inferjuri sabiex jiġu ffrankati l-flus fil-proġett ta’ rinovazzjoni. 
    Kemm il-Kamra tal-Periti, kif ukoll il-Kamra ta’ l-Inġiniera f’Malta ħarġu stqarrijiet wara li seħħ dan il-każ. It-tnejn għamlu appell sabiex il-Gvern jagħti widen għal diversi talbiet sabiex l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini jissaħħaħ u jingħata r-riżorsi li għandu bżonn sabiex f’Malta jkollna regolamenti dwar il-bini li jirriflettu s-sistemi moderni ta’ kif nibnu, kif ukoll jiggwidaw lill-iżviluppatur sabiex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà ta’ min juża l-bini tagħhom. 
    F’Malta ffukajna wisq fuq il-sistemi ta’ l-ippjanar u l-kontroll tal-bini u fuq kif il-bini jidher minn barra, u minkejja li dan hu tajjeb, ma tajniex l-istess importanza lir-regolamenti dwar kif nibnu, x’materjali nużaw, u xi standards għandna nilħqu fl-intern tal-bini tagħna. 
    Dan in-nuqqas jidher ukoll fil-mod kif affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bini jaqgħu taħt liġijiet u awtoritajiet diversi. Ir-regolamenti sanitarji, li kienu jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-Pulizija, illum jaqgħu parti taħt l-Awtorità tal-Ippjanar u parti taħt id-Dipartiment tas-Saħħa; il-gwidi dwar is-sigurtà fil-ħruq jaqgħu b’mod indirett taħt id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili; regolamenti dwar il-liftijiet jaqgħu taħt l-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA); ir-regolamenti dwar l-elettriku huma r-responsabiltà tal-Enemalta, filwaqt li dawk dwar id-drenaġġ jaqgħu taħt id-Dipartiment tas-Saħħa u taħt il-Korporazzjoni dwar is-Servizzi ta’ l-Ilma; ir-regolamenti li jaċċertaw li l-bini ikun aċċessibbli għal persuni bi problemi ta’ mobiltà jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini jħares il-proċessi ta’ skavar, twaqqigħ ta’ bini u regolamenti ġenerali tal-kostruzzjoni, filwaqt li s-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tal-kostruzzjoni taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-OHSA (l-Awtorita’ dwar is-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol).
    Dawn l-entitajiet kollha, b’xi mod, iridu flimkien jassiguraw li dak li qiegħed jinbena huwa ta’ kwalità tajba, mhux biss fil-mod kif jidher minn barra, iżda wkoll fil-mod kif jintuża l-bini u fil-mod kif jiġi assigurat li dan il-bini qiegħed jilħaq ċertu standards li huma neċessarji fiż-żmien tal-lum. 
    Sal-lum, il-periti u inġiniera jirrikorru għal standards ta’ pajjiżi oħrajn sabiex jassiguraw li ċertu sistemi li jintużaw fil-bini huma ta’ ċertu kwalità u sigurtà, iżda dawn ma għandhom u ma jistgħu qatt ikunu sostituti għal regolamenti nazzjonali li jieħdu in-kunsiderazzjoni r-realtajiet ta’ pajjiżna, inkluż il-klima, it-taħriġ tal-ħaddiema tagħna, il-materjali li jintużaw lokalment u s-sistemi li jintużaw fil-kostruzzjoni, speċjalment dawk tradizzjonali. 
    Hu għalhekk li jeħtieġ li, mill-iktar fis possibbli, il-Gvern jagħti r-riżorsi li hemm bżonn lill-Uffiċju dwar ir-Regolament tal-Bini sabiex dan ikun jista’, flimkien mal-professjonisti u mal-Kamra tal-Periti u l-Kamra tal-Inġiniera, iħejji regolamenti li jassiguraw li s-saħħa u l-ħajja tan-nies tkun iktar protetta, u fuq kollox li titkattar il-kwalita’ tal-ħajja ta’ min qiegħed juża u jgħix f’dan il-bini kollu li qiegħed jitla’. Hemm bżonn li nibdew inħarsu b’mod serju lejn dawn l-affarijiet, li ħafna drabi jitwarrbu fil-ġenb sabiex inħaffu x-xogħol jew sabiex l-iżviluppatur jiffranka l-flus u jagħmel iktar profitt. Hemm bżonn li nindirizzaw din il-lacuna fil-regolamenti ta’ pajjiżna qabel ma jkun tard wisq.