Rebħa, telfa jew draw?

    Il-Ħadd li għadda ġie fi tmiemu s-Sinodu dwar il-Familja, mument importanti fil-ħajja tal-Knisja Kattolika li qajjem ħafna aspettativi, interess u wkoll – ikollna nistqarru – mhux ftit konfużjoni.
    Il-media (anki dik qrib il-Knisja) spiss kienet qed tuża n-narrativa ta’ “Liberali kontra Konservattivi”, u ħolqot l-impressjoni li fis-swali tad-diskussjoni kien hemm xi tug of war bejn iż-żewġ kampijiet, bil-familja u ż-żwieġ jiżfnu fin-nofs. Skont liema rapporti medjatiċi kont taqra, faċilment kont taħseb li s-Sinodu kien battalja ħarxa bejn għadd ta’  karikaturi: it-twajbin kontra l-kattivi; l-eretiċi kontra l-ortodossi; jew il-profeti tal-ħniena kontra l-paladini tal-ġustizzja. 
    Iżda r-realtà – skont ma qalulna dawk li verament kienu preżenti – kienet differenti: kien hemm atmosfera ta’ diskussjoni fraterna, anki quddiem nuqqas ta’ qbil. Bħalma qal Arċisqof mill-Ukraina, dawk preżenti ġenwinament xtaqu jisimgħu l-esperjenzi ta’ xulxin, għax kull reġjun joffri sfidi u opportunitajiet differenti lill-familja u l-membri tagħha.
    Dan l-atteġġjament ta’ smiegħ ma jfissirx, sfortunatament, li ma kiex hemm tentattivi ta’ manipolazzjoni, kemm minn barra (per eżempju minn ċerti kummentaturi u ġurnalisti) u kif ukoll minn ġewwa (forsi wkoll minn xi parteċipanti), bil-Papa nnifsu jalludi għal dan fid-diskors finali tiegħu.
    Personalment nemmen li fil-ħidma ta’ tħejjija tul is-snin li għaddew, kien sar żball meta ngħatat l-impressjoni li s-Sinodu kien biss dwar jekk persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid jistgħux jitqarbnu. Għalkemm din il-kwistjoni tassew kellha bżonn tiġi diskussa, żgur li ma kenitx l-unika kwistjoni ta’ importanza f’dan il-qasam. Minħabba f’hekk inħolqot ċerta biża’ li seta’ jinbidel xi tagħlim essenzjali tal-Knisja, bħal dak dwar il-permanenza taż-żwieġ.
    U għalkemm il-Papa Franġisku għamilha ċara sa mill-bidu li l-Knisja ma għandhiex awtorità tibdel it-tagħlim ta’ Kristu u dak li ilu jinżamm mill-Knisja sa mill-ewwel żminijiet (jiġifieri li żwieġ validu ma jistax jinħall), xorta waħda baqa’ d-dubju li l-kunċett ta’ permanenza taż-żwieġ jista’ b’xi mod jittappan jew jixxellef f’għajnejn l-Insara.
    Quddiem dan kollu, x’kien ir-riżultat finali: rebħa, telfa jew draw? Jien narah bħala “rebħa sofferta”, bħalma jintqal mill-kummentaturi sportivi dwar logħba futbol fejn tim minnhom jirbaħ, imma b’naqra tbatija mhux ħażin.
    Rebħa mhux għal xi kamp partikolari jew għall-ieħor, iżda pjuttost għall-Knisja stess, li wriet li ma tibżax tiddiskuti fiha nfisha dwar kwistjonijiet jaħarqu, sabiex tkun kapaċi toffri tweġiba għall-bżonnijiet l-iktar profondi tal-bniedem, anki dak ferut u mweġġa’. Rebħa, għax dan is-Sinodu wera ċar li din id-diskussjoni trid tibqa’ għaddejja, u li Sinodu mhuwiex biss dak li jitlaqqa’ kull tant snin, iżda huwa stil (ta’ għaqda fid-diversità u ta’ kapaċità li tiddiskuti) li bih trid timxi l-Knisja f’kull ħidma tagħha u fil-mod kif titratta lil kull bniedem.
    Imma rebħa “sofferta” wkoll, nerġa’ ngħid: għax is-Sinodu kixef dik it-tendenza fina l-membri tal-Knisja li nirraġunaw bl-iskemi u l-kategoriji politiċi tad-dinja, bir-riskju lil ninsew dak li qal Kristu: “Fostkom m’għandux ikun hekk.” Rebħa sofferta għax filwaqt li fhimna li l-Knisja wkoll trid tinbidel (ovvjament f’dak li effettivament jista’ jinbidel), forsi nsejna li l-Knisja – bħall-ħmira fl-għaġina – għandha fuq kollox il-missjoni li tibdel id-dinja, u li ddawwal lid-dinja bil-pjan sabiħ ta’ Alla dwar żwieġ u familja.
    Nittamaw li l-Papa Franġisku jirnexxilu jagħmel dan fix-xhur li ġejjin, meta jiggwidana aħna u nixtarru l-konklużjonijiet tas-Sinodu.

    Dun Brendan M. Gatt