Raġel għarwien

    Unsplash

    Għadu kemm ġie f’idejja filmat ta’ raġel għarwien jiġri barra t-toroq tagħna.   Ġie ffilmjat biex jiġi rredikolat? Dan il-filmat ġera mal-erbat irjieħ ta’ Malta jekk mhux mal-erbat irjieħ tad-dinja. Bla dubju hemm xi ħaġa mhux f’postha, hemm fin-nofs is-saħħa mentali. Kundanna lejn min xerred dawn il-filmati. Għax jekk ifettillek ixxerred xi intervista li marret żmerċ xi ikona politika, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, imma r-redikolu ta’ dan il-bniedem għarwien ħuta fit-toroq Maltin, kien iċ-ċajta tal-ġurnata. X’kont tħoss li kieku dak il-proxxmu kien missierek, ibnek, ħuk? U donnu l-bniedem biex jgħatti tiegħu, jispiċċa jxerred u jesponi l-istejjer tal-vulnerabbli. Tgħid biex jiggustawh? U donnu f’pajjiżna għandna t-tendenza u l-ħabta, naraw l-istorja minn barra biss. Jekk naraw bniedem jiġri u jdur bil-lejl, bħal xafra tal-moħriet lesti biex noħorġu għalih jew għaliha.

    Ma naħsbux u naraw x’nistgħu nagħmlu għaliex forsi dak il-bniedem għaddej minn sfidi iebsa f’ħajtu, imma arana naslu għall-konklużjoni ta’ dak li jagħtina moħħna. Normalment liema konklużjoni li wasalt għaliha tkun il-mera tiegħi stess, kont wasalt għamilt jien stess fil-passat. X’ipokrezija! U min ixerred dawn il-filmati jew min jipprova jdaħħaq bil-vulnerabbli, (b’wiċċhom jidher) kważi kważi ferħan se jtir u jħossu li għamel xi kapolavur, lil dan il-liġi ma tkellmux?

    Li tkampa bl-istigma taʼ marda mentali hija devastanti. Jistgħu jitkellmu dwarha dawk il-bnedmin li jgħixu ma’ xi ħadd li jħobbu u/jew qraba. Żejda li tipprova tirredikolahom, anzi tkompli żżid it-toqol tal-ħajja ma’ dak li ġa għandhom.    Tiġini f’moħħi mara anzjana vulnerabbli, instigata minn żewġ irġiel Maltin biex turihom il-parti privata tagħha, waqt li tiġi ffilmjata. L-istorja ma tieqafx hemm, imma l-filmat jinxtered ma’ kullimkien. F’ġurnata rċevejt l-istess filmat mal-għaxar darbiet. Nispiċċa niġġieled bl-SMS ma’ għaxar persuni, li prattikament bagħtuli dan il-filmat biex nidħaq.

    Jien ma nidħaqx b’dawn il-filmati, anzi nweġġa’ ħafna. Jekk irrid nidħaq u ndaħħaq lil sħabi, nagħmel filmat kif naf jien bis-sens umoristiku stil tiegħi u mhux bil-bnedmin vulnerabbli. Biex nidħaq noqgħod insegwi għal aktar minn darba lil Patricia Routledge bil-kummiedja tagħha “Keeping Up Appearances” u mhux bi bnedmin li għaddejjin minn sfidi kontinwi. Biex nidħaq m’għandix għalfejn indaħħaq lil kulħadd b’mara anzjana li jinstigawha bil-politika, u jieħdu gost jarawha toffendihom.  Min jaf binha xi jħoss?

    Id-diżordnijiet mentali jolqtu lil mijiet taʼ miljuni taʼ nies f’kull parti tad-dinja u jħallu effett fuq il-ħajja tal-maħbubin tagħhom. Wieħed minn kull erbaʼ persuni se jiġi affettwat minn xi diżordni mentali f’xi żmien f’ħajtu. Id-dipressjoni hija l-ikbar fost id-diżabilitajiet fid-dinja. L-iskizzofrenja u d-diżordni bipolari huma fost l-iktar diżordnijiet qliel u li jagħmlu bnedmin inkapaċi. Għalkemm numru kbir taʼ bnedmin huma affettwati, id-diżordnijiet mentali jibqgħu moħbijin, traskurati u diskriminati. Biex ngħidu kollox bosta bnedmin b’mard mentali jżommu lura milli jfittxu l-kura minħabba l-istigma assoċjata miegħu.

    Għalkemm il-biċċa l-kbira tad-diżordnijiet mentali jistgħu jiġu kkurati, insibu bosta bnedmin li ma jirċevux il-kura. Professjonisti jgħidulna li bnedmin b’diżordni mentali hi waħda li l-ħsieb, il-kontroll emozzjonali, u l-imġiba tagħha jkunu differenti mhux ħażin minn dak li jitqies normali. Il-kundizzjoni spiss iżżomm persuna milli tifhem lil ħaddieħor jew milli tkampa mal-istress tal-ħajja.   Is-sintomi jistgħu jvarjaw fit-tul u fl-intensità skont l-individwu u l-marda partikulari u ċ-ċirkustanzi. Jistaʼ jaffettwa kemm irġiel u kemm nisa, nies taʼ kull età, kultura, razza, reliġjon, jew livell taʼ edukazzjoni u dħul finanzjarju. Id-diżordnijiet tas-saħħa mentali ma jiġux minn xi dgħufija personali jew xi difett fil-karattru.  Madanakollu permezz taʼ kura medika u adattata, diversi bnedmin jistgħu jiġu kkurati u jistgħu jgħixu ħajja produttiva u sodisfaċenti.

    Bosta bnedmin tgħallmu jkampaw b’diżordnijiet mentali wara li kisbu fehma aħjar tal-kundizzjoni tagħhom u segwew il-kura mogħtija lilhom minn professjonisti tas-saħħa mentali.

    Illum dak, dik u l-oħra u għada nista’ nkun Jien, ħija, oħti jew ibni.  Però l-aħbar sabiħa hi, li llum hawn il-mezzi, billi ssegwi l-kura li jagħtuna l-professjonisti, billi żżomm rutina u żżomm ruħek attiv.  Minbarra l-mistrieħ u l-irqad, tirrilassa u tipprova tgħix ħajja bilanċjata  u ta’ kwalità, fuq kollox tiekol tajjeb u tevita dak kollu li ma jagħmillekx ġid bħall-alkoħol u drogi li ma jkunux preskritti mit-tobba mediċi. Importanti wkoll li tevita toqgħod waħdek u tqatta’ mumenti ma’ bnedmin li jridulek il-ġid u mhux joqogħdu jiffilmjawk, biex wara jdaħħqu n-nies bik. 

    L-ilbies li jagħmel lill-bniedem parti mis-soċjetà; jagħtik ċerta identità, ċerta dinjità.   Bħar-raġel għarwien jiġri fit-toroq tagħna juri b’xi mod li tilef postu fis-soċjetà, fuq kollox imżeblaħ minn kulħadd, tilef kollox inkluż id-dinjità. Il-ġmiel spiċċa mill-bniedem, li issa hu għarwien, mikxuf, u mwaqqa’ għaż-żufjett. Ma baqa’ xejn ħlief bniedem tellief u umiljat! Fejn huma l-awtoritajiet konċernati? Nistennew u naraw…