Quddiesa għal ruħ l-ewwel isqof Malti

    Ritratt: Ian Noel Pace

    Nhar it-Tlieta 4 t’Awwissu 2020 l-Arċisqof Charles Scicluna qaddes quddiesa fil-Palazz tal-Arċisqof, minn fejn joperaw it-tribunali ekkleżjastiċi. Kienet tiġi ċċelebrata l-quddiesa regolarment sakemm kien għadu ħaj l-Arċisqof Michael Gonzi li miet fl-1984 u li kien jgħix fil-palazz, iżda ma nistgħux niftakru meta ġiet iċċelebrata quddiesa minn arċisqof minn dak iż-żmien ‘l hawn. Żgur hija l-ewwel quddiesa li qaddes l-Arċisqof Charles Scicluna fil-Palazz tal-Belt.

    Għaliex saret din il-quddiesa issa? Meta konna qed nirriċerkaw l-istorja tal-Palazz tal-Arċisqof għall-aħħar Notte Bianca, skoprejna illi l-Isqof Baldassare Cagliares, li bena dan il-Palazz fil-Belt, kien ħalla fit-Testment tiegħu li meta ssir quddies fl-Oratorju ta’ San Ġużepp (li jinsab fil-palazz stess) niftakru fih fit-talb tagħna. Ma nafux jekk qatt saret din il-quddiesa fiż-żminijiet moderni, allura ħsibna li nonoraw ix-xewqa tiegħu fil-ġurnata tal-mewt tiegħu, li kienet l-4 t’Awwissu 1633, billi issir quddiesa għal ruħu fil-post eżatt fejn xtaq.

    Min kien Baldassare Cagliares?

    Cagliares kien l-ewwel isqof Malti li ġie nominat fl-era tal-Ordni ta’ San Ġwann. Twieled il-Belt Valletta, fl-1575 (ma nafux il-ġurnata u x-xahar). Missieru kien ta’ dixxendenza Spanjola u ommu kienet Maltija mir-Rabat, Għawdex. Ġie nominat Isqof ta’ Malta ta’ 40 sena fit-18 ta’ Mejju 1615 u dam isqof sa mewtu fl-età ta’ 58 sena.

    Meta sar isqof, Baldassare Cagliares xtaq joqgħod fil-Belt Valletta li kienet għadha kemm inbniet u li kienet saret il-qalba tal-ħajja politika, soċjali u kulturali tal-ġżira. Dak iż-żmien ir-residenza tal-isqof, il-Kurja, il-qrati kriminali u l-ħabs tiegħu kienu l-Borgo (il-Birgu) u għalhekk beda jibni r-residenza ġdida tiegħu fil-Belt Valletta fuq biċċa art li kienet t’ommu. Għal bidu l-Ordni ta’ San Ġwann ma tatx każ għax ħasbet li qed jinbena għal xi raġuni mhux marbuta mal-awtorità tal-isqof u ħallew ix-xogħol għaddej. Malli ndunaw x’kien qed jiġri verament, ġabu mandat ta’ inibizzjoni mill-Papa Urbanu VIII u t-Tribunal tas-Sacra Romana Rota, li huwa t-tribunal tal-papa biex iwaqqfu x-xogħlijiet minnufih għax irraġunaw illi peress li l-Belt Valletta nbniet mill-Ordni u għalhekk huma biss għandhom ikollhom ġurisdizzjoni fuqha, il-preżenza tal-Isqof ta’ Malta, li għandu ġurisdizzjoni fuq il-gżira kollha, kienet meqjusa bħala ndħil bla bżonn.

    Iżda Cagliares ma qatax qalbu u ppreżenta kontro-protest fejn argumenta illi isqof għandu d-dover li jkun preżenti fil-post fejn joqogħdu l-iktar nies u sa dak iż-żmien iktar kien hemm nies joqogħdu l-Belt mill-Borgo peress li l-Ordni ta’ San Ġwann irrelokat l-amministrazzjoni kollha tagħha fil-Belt.

    Fl-aħħar mill-aħħar, argumenta Cagliares, la l-Ordni qed tagħti permess lil kulħadd biex jibnu r-reżidenzi tagħhom, kienet tidher kerha kieku l-Granmastru ikun hu stess li jiċħad lill-Isqof ta’ Malta mid-drittiijiet tiegħu. U b’hekk l-Isqof Cagliares tħalla jkompli bil-proġett tiegħu. Iżda xorta impikaw miegħu l-Awtoritajiet ċivili, jiġifieri l-Ordni ta’ San Ġwann, u biex jeħdulux il-ħaddiema u b’hekk ikollu jieqaf ix-xogħol tal-bini xorta, lill-bennejja kollha tahom it-tonsura, jiġifieri għamilihom kjeriċi biex b’hekk jaqgħu taħt l-awtorità tiegħu. Malli spiċċaw ix-xogħlijiet,  mexxa l-residenza u l-Kurja tiegħu fil-Belt imma żamm sieq waħda fil-Borgo wkoll billi ħalla l-qrati kriminali u l-ħabs tiegħu hemmhekk.

    Jingħad illi biex jinki lill-Ordni, meta kien imur jara lil ommu li kienet toqgħod il-Belt, kien joħroġ bil-pompa magna kollha purċissjoni u jgħaddi min-nofs il-Belt. Barra minnhekk, jekk inħarsu ‘il isfel fid-direzzjoni tal-Palazz tal-Arċisqof mill-pjazza San Ġorġ fejn hemm il-Palazz tal-Granmastru, naraw illi l-kolonni tal-faċċata huma maħruġa iktar ‘il quddiem mil-bini l-ieħor għax jingħad li ried lill-Granmastru jarah mill-Palazz tiegħu. Jiġifieri meta tgħadd minn Triq l-Arċisqof bil-karozza u forsi l-mirja jħokku mal-kolonni tal-palazz, taf għafejn u ftakar fl-isqof Cagliares.

    Fadal. Meta tidħol fil-palazz tara iskirizzjoni fuq kull bieb fil-piano nobile F.D. BALTHASSAR CAGLIARES EPVS MELITAN. Qisu biex ikompli jinki li minkejja li l-Ordni ppruvat twaqfu, xorta rnexxielu jibni r-residenza tiegħu fosthom.

    Dawn huma anedotti ħelwin però tajjeb ngħidu li Cagliares kien isqof pastorali ħafna u fuq id-direttivi tal-Konċilju ta’ Trentu, kien ħa ħsieb biex iżur il-parroċċi tiegħu. Kien jisħaq li ż-żjara tiegħu ma kelliex tpoġġi piż żejjed fuq il-komunità parrokkjali. Waqqaf il-parroċċa tal-Qrendi u reġa’ qajjem il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli billi nnomina saċerdot rettur għall-knisja li kienet snin twal mingħajr is-servizz ta’ saċerdot. Nistgħu ngħidu li kien pijunier tal-Fondo Clero billi ħa ħsieb jgħin lill-kleru mid-dħul personali tiegħu.

    Kien patrun tal-arti u dilettant tal-ġonna. Fil-fatt, kull bini li bena fiż-Żejtun, fiċ-Ċittadella, Għawdex u fil-Buskett, kif ukoll fil-Palazz tal-Belt, assikura li jkollu ġnien miegħu.

    Mill-kitba ddatata 1631, naf li l-Isqof Cagliares  nefaq xi 12,000 skud mill-fondi tad-djoċesi biex jibni l-Palazz tal-Belt, barra li ħareġ flusu u l-art t’ommu. Għalhekk ħalla l-Palazz tal-Arċisqof lill-Katidral tal-Imdina u li qatt m’għandu jinkera jew jiġi mibjugħ u għandu jintuża bħala residenza mill-isqfijiet ta’ Malta u l-vigarji Kapitulari. Jekk dawn ma jridux jużaw il-Palazz bħala residenza tagħhom, kompla Cagliares fil-kitba li ħalla, il-palazz tal-Arċisqof għandu jintuża is-sede tat-tribunal ekkleżjastiku.

    Fil-fatt fil-Palazz tal-Arċisqof illum insibu ż-żewġ tribunali ekkleżjastiċi, jiġifieri t-Tribunal Metropolitan tal-Ewwel Istanza, u t-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Stanza li huwa t-tribunal tal-Appell għal Malta, Għawdex, Ġibiltà u l-Libja.

    Alessandra Dee Crespo hija Kanċillier tat-Tribunal Reġjonali tat-Tieni Stanza