Qed jibnu ħdejk? Ipproteġi ruħek permezz tal-liġijiet

    Bini Kostruzzjoni Santa Venera
    Miguela Xuereb

    Sfortunatament għadna kemm għaddejna minn esperjenza kerha fejn inħasdet ħajja ta’ omm fit-terrapien ta’ dik li qabel kienet dar familtha, waqt li ħdejha kien għadu kemm inbeda proġett ta’ kostruzzjoni.

    L-għada tat-traġedja bdejna nisimgħu stqarrija waħda wara l-oħra, bi kliem ta’ għadab dwar x’seta’ mar ħażin, u ta’ min seta’ kien it-tort. Hekk ġara wara kull kollass li kellna s-sena l-oħra u ħafna ħasbu li solvejna l-problema. Iż-żmien tana parir.

    Il-biża’ u l-inkwiet ta’ dawk li qrib tagħhom għaddej jew se jibda xi żvilupp, illum aktar minn qabel, qed ikompli jikber. Mhux ta’ b’xejn! Iżda kemm verament iċ-ċittadin jaf kif jipproteġi ruħu permezz tal-liġijiet li għandna?

    Spezzjoni

    Ftit jafu li bil-liġi, qabel ma jinbeda xi xogħol ta’ żvilupp, inkluż anke alterazzjonijiet u żidiet fuq bini eżistenti, il-perit responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet, obbligat li jagħmel spezzjoni u jikteb rapport dwar il-kundizzjoni ta’ kull propjetà li tmiss mas-sit fejn ikun se jsir dak l-iżvilupp.

    Polza ta’ assigurazzjoni u garanzija bankarja

    Huwa għalhekk importanti ħafna li nagħtu l-aċċess meħtieġ lill-perit tal-iżviluppatur biex jagħmel din l-ispezzjoni u jekk jibda xi xogħol qabel ma ssir din l-ispezzjoni, il-ġirien għandhom jirrappurtaw minnufih lil Building Regulations Office (BRO).  Jekk ix-xogħol jinkludi twaqqiegħ u bini ma’ appoġġi, is-sid ta’ min hija l-propjetà li fuqha qed isir ix-xogħol, obbligat bil-liġi li jagħmel polza ta’ assigurazzjoni u garanzija bankarja mal-BRO.

    Superviżjoni

    Fuq is-sit ta’ kostruzzjoni jrid ikun hemm il-ħin kollu, is-Site Technical Officer (STO) li jara li l-istruzzjonijiet tekniċi li jkun għadda l-perit qed jiġu segwiti mill-bennej jew kuntrattur.  Kull xogħol ta’ bini jrid isir minn u taħt is-superviżjoni ta’ mill-anqas bennej wieħed bil-liċenzja valida.  Minn dawn, skont il-lista ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BRO, hawn biss madwar 600.

    Skrutinju tad-dokumenti

    Il-maġġoranza tal-periti jaraw li jsegwu dawn il-proċeduri u jiggwidaw lil klijenti tagħhom biex jaraw li l-obbligi legali jiġu mħarsa.  Ir-rapporti u l-formoli mitluba bil-liġi jiġu sottomessi lil BRO u wħud minnhom huma wkoll ippubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar.  Iżda minkejja dan, hemm xi ħadd li jiskrutinja dawn id-dokumenti?

    Infurzar

    Ir-regoli tal-bini kif ġew addottati hawn Malta, il-biċċa l-kbira minnhom huma self regulatory, jiġifieri qed jieħu r-responsabiltà l-perit jew inġinier ta’ dak kollu li qed jikteb u m’hemmx obbligu li xi awtorità tara jekk dak miktub jagħmilx sens u hux qed jiġi segwit.  Dawn ir-regoli bdew jiġu mfassla lejn l-aħħar tas-snin disgħin u l-bidu tas-snin elfejn.

    Għall-bidu kien hemm reazzjoni kontra dan il-prinċipju mill-periti u mill-inġiniera u l-leġislazzjoni raqdet fuq l-ixkaffa, iżda aktar m’għadda ż-żmien il-prinċipju ġie applikat u l-liġi ġiet approvata mill-Parlament.  Għalhekk meta nitkellmu fuq infurzar mill-awtoritajiet, fir-realtà m’hemm xejn x’tinforza ħlief għal fatt li jaraw li ġiet sottomessa d-dokumentazzjoni meħtieġa tkun ta’ bilħaqq, kif ngħidu bl-Ingliż – for the record.

    Dan jikkontrasta sew mas-sistema ta’ regoli tal-bini li hemm l-Ingilterra, jew saħansitra ma’ dik li kellna f’Malta sa 40 sena ilu meta kellna l-Building Inspectors, li kienu jispezzjonaw il-bini waqt fażijiet differenti tal-kostruzzjoni, inkluż il-pendil tal-katusi tad-drenaġġ u jekk dawn kinux jagħmlu l-ilma.  Dawn il-Building Inspectors biex jiġu impjegati riedu jagħmlu kors u eżami u kienu jaqgħu taħt l-uffiċċju tas-Sanità.  Irridu ngħidu wkoll li dak iż-żmien id-daqs tal-binjiet kien ferm aktar limitat u inqas kumpless minn dak tal-lum.  Ma’ dan kollu, l-Ingilterra għadhom jaħdmu b’sistema simili.

    Tgħid wasal iż-żmien li mmorru lura għal dak li kien jiġri 40 sena ilu?

     

    Il-Perit Ruben Abela llum jaħdem fil-qasam tar-restawr, iżda għal diversi snin kien maniġer fl-Awtorità tal-Ippjanar u kap tat-taqsima tal-infurzar fi ħdan l-istess awtorità.  Huwa kien ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-ERA fl-ewwel sena tat-twaqqif tagħha.