Qażżiżtuna b’din tal-“Crooks” u “Mafia”!

    Huwa tal-mistħija kif għandek Gvern Laburista mmexxi minn Dr Robert Abela li qiegħed jipprova jimxi b’mod ġust u korrett ma’ kulħadd imbagħad għad għandek numru ta’ Nazzjonalisti estremi li regolarment jippruvaw ipinġu lil dan il-gvern qisu magħmul minn xi ċorma nies li l-ħin kollu jiksru l-liġi u li huma korrotti għall-aħħar.

    Iva, bħala esponent Laburista, nammetti li fil-gvern ta’ qabel kien hemm xi individwi assoċjati miegħu li żbaljaw bl-ikrah. Madankollu, dawn bl-ebda mod ma jirrapreżentaw lill-Gvern kollu jew lil-Laburisti kollha. U rridu niftakru wkoll li dan gvern ġdid u li jidher ċar ukoll li qed joqgħod attent ħafna li ċerti żbalji tal-passat ma jerġgħux isiru. Niftakru wkoll li qed isiru proċeduri fil-Qrati biex min żbalja jiffaċċja l-ġustizzja.

    Għalhekk, huwa totalment inaċċettabbli li ninsew il-prinċipji tad-demokrazija u s-saltna tad-dritt u naqbdu nfajjru t-tikketti bl-addoċċ. Kif tista’ tistqarr li inti qed taħdem favur is-saltna tad-dritt imbagħad taqbad u tikkundanna persuna fuq sempliċi allegazzjoni u mingħajr provi konkreti? – Kif tagħmel allegazzjonijiet bla bażi kontra persuni onesti u theddidhom bil-ħabs u wara li jiġi ppruvat li dak li għidt mhux veru, ma terfax ir-responsabbiltà ta’ għemilek u twarrab min-nofs? – Kif titfa’ lil kulħadd f’basket wieħed taħt it-titli ġeneriċi ta’ “crooks” u “mafia”?

    Ara ma jkunx hawn xi ħadd li jaħseb li qiegħed nipprova niddefendi lil min kiser il-liġi u żbalja bl-ikrah. – Xejn minn dan kollu! – Min żbalja għandu jieħu dak li ħaqqu, hu min hu u hi min hi. Imma din li prattikament qed jeħlu l-Laburisti kollha ma’ ċerti Nazzjonalisti estremi hemm bżonn li tinqata’ darba għal dejjem. Dawn in-Nazzjonalisti estremi m’huma rispettati minn ħadd għaliex kulħadd jaf li t-tir veru tagħhom mhix l-imħabba għas-saltna tad-dritt jew għad-demokrazija imma biex jerġgħu jiksbu pożizzjonijiet ta’ poter fil-pajjiż meta ma jkunx għad hemm Gvern Laburista jmexxi.

    Ċert li l-maġġoranza kbira tal-poplu xebgħet b’din it-tattika moqżieża li l-ħin kollu rridu nitfgħu n-nies il-ħabs! – Tafu kemm qed tinkwetaw nisa u tfal u l-ġenituri ta’ nies pubbliċi innoċenti u dan sempliċement għall-iskopijiet tagħkom? – Tridu l-inkjesti pubbliċi l-ħin kollu mbagħad meta jinqatgħu kontrikom tippruvaw bil-wiċċ tost kollu tgħidu li ma sarux sew? – Tridu l-libertà tal-espressjoni imma għalikom biss? – Intom tgħidu li tridu, anke meta ma jkunx veru, imma ħaddieħor irid joqgħod b’seba’ għajnejn xi jgħid għax mill-ewwel titolbu li jibdew proċeduri kontrih!

    Nappella lil tant Nazzjonalisti ġenwini u onesti biex ma jħallux klikka żgħira ta’ nies estremi jirvinaw il-futur ta’ dan il-pajjiż. Il-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Robert Abela huwa wieħed onest u ħaqqu l-fiduċja tal-Maltin u Għawdxin kollha. Biex inkun totalment ġust, ngħid ukoll li l-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għandu jiġi solvut u magħluq għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. U min ikun ippruvat li żbalja jiffaċċja l-konsegwenzi tal-liġi, hu min hu jew hi min hi. L-istess fil-każ tal-Panama Papers. Biex hekk ma jkunx hemm aktar dellijiet tal-passat ixekklu lill-gvern preżenti, lill-Partit Laburista u lil-Laburisti kollha.