Qalu li jridu jsalvaw lid­-dinja

    Meta nisma’ kliem bħal dan iweġġgħani. Xi wħud jistgħu jkunu maħsuda meta jisimgħuni ngħid hekk. Imma dan jurini lil-­bniedem jaħseb li l-­ekosistema qiegħda taħt il-­kontrol tiegħu u tiddependi minnu. U jaħseb li din jista’ jsalvaha.
    Nafu bil-­mod kif il-­bniedem qed jisfrutta din l-­ekosistema li huwa parti minnha, għalkemm dan ma jammettihx. L-­impatt tal-­attività tiegħu fuq l-­arja, fuq l-­art u fuq l-­ilma u fuq il-­ħlejjaq li jaqsmu din il-­pjaneta magħna naħseb li kulħadd jaf bihom.
    Biex jgħix aħjar, dejjem kif jgħidulna, nużaw kull tip ta’ kimika u dak li ma jkollniex bżonnu aktar, nitfgħu jew fl-­arja, fl-­art jew anki fl­-ilma, kemm ilma baħar kif ukoll ilma ħelu. It-­tniġġiż li jseħħ minn dan l-­iskart mhux ta’ taħbil ir-­ras għall-­bniedem. Dan isir mingħajr kontrol, mingħajr qies, mingħajr kuxjenza, u ħafna drabi anki kontra xi regolamenti li l-­bniedem ikun għamel huwa stess. Il­-bniedem jaħseb li meta dawn jarmihom u ma jarahomx aktar, allura ħeles minn skart li jkun qed idejqu, anki jekk dan ikun tossiku.
    Ir-­riżorsi tad-­dinja qatt ma kienu daqshekk sfruttati u esplojtati. Il-­ġirja għall­-konsumiżmu u għall-­materjaliżmu saru l-­għan ewlieni tal-­ħajja tal-­bniedem ta' l­lum.
    Anki l-­ħlejjaq li jaqsmu din l­-art magħna u li fuqhom tiddependi l-­ħajja tal-­bniedem fis-­sistema ekoloġika lanqas ma jeħilsuha ħafif, kemm jekk din il-ħajja tikkonsisti fi pjanti jew f’annimali. Il-­bniedem joqtol għall-­gost għax jaħseb li għandu dritt, jew biex juri s­superjorità tiegħu fuq ħlejjaq li huwa jqis li huma anqas minnu. Jaħtaf u jeqred dawk il-­ħlejjaq li jaħseb li qed ifixkluh fil-­mixja ta’ rgħiba bla qies għall­-materjaliżmu.
    Illum naraw ukoll kif il-­bniedem qiegħed ibagħbas l-­għaġna ġenetika tal-­ħlejjaq (GMOs) biex kif jgħidulna, ikun jista’ jgħix aħjar u jitma l­-ħluq madwar id-­dinja. Wasal biex jikkoreġi dak li ħalaq il-­Ħallieq, għax dawn mhumiex tajbin biżżejjed. Imma ma għandniex xi ngħidu li dawn iħallu qliegħ imdaqqas.
    U l-­mexxejja ta' l-­entitajiet soċjali tad­-dinja, mhux talli ma jippruvawx iwaqqfu din il-­ġirja suwiċidjali, imma jkomplu jrewħula, għax b’hekk biss jistgħu jkomplu jogħxew fil-­poter. Arahom jiftaħru bil-­progress li qed jagħmel il-­bniedem u ħallihom jiftaħru biss biċ-­ċifri ta’ qligħ, kummerċ u flus. L-­impatt u l­-prezz moħbi tħallsu l­-ekosistema u l-­impatt ta’ dan tħallsu s­-soċjeta, jiġifieri l-­bnedmin li jgħixu fid-­dinja. Bilkemm wieħed jista’ jitkellem fuqhom, anzi dawk li jagħmlu hekk fl-­interess tal­-ħajja fuq din il-­pjaneta jiġu mgħajjra fundamentalisti jew ġakbini għax jeħduha kontra t-­tmexxija politika mgħammda.
    Nistħajjel lil xi ħadd jistaqsi: imma allura għaliex tiddejjaq u tweġġa’ meta tisma’ lil min jgħid li hemm bżonn insalvaw id-­dinja meta taf b’dan l-­eġojiżmu li tant qed jagħmel ħsara lil l-­ekosistema.
    Id-­dinja ma għandha bżonn lil ħadd biex isalvaha. Lanqas lil dik l-­ispeċi l-­aktar intelliġenti jew li taħseb li hija l-­aktar intelliġenti. Is­sistema ekoloġika hija bilanċ dinamiku u tirranġa kull theddida waħedha, mingħajr għajnuna ta’  ħadd. Veru li dan il-­bilanċ jista’  jitkisser u jsir aktar diffiċli biex jittranġa fi żmien qasir. Imma ż­-żmien għall­-ekosistema mhux importanti.
    Naħseb li llum kulħadd sema bid­-dinosawri. Rettili kbar u b’saħħithom li anki meta tħares lejhom impinġijin ukoll inisslu biża’. Kienu jiddominaw id-­dinja, imma kienu wkoll jiddependu fuq l-­ekosistema. Bħal bniedem ta' l­lum eżatt. Dan illum jiddomina d­-dinja u anki jnissel biża’ bl-­armi tal-­qerda tal-­massa, u dawk eletroniċi li għandu u li fassal. Agħti ħarsa madwar id­-dinja ħalli tara kif il­bniedem jilgħab b’armi qerrieda, armi kimiċi li l-­għan ewlieni tagħhom huwa l-­qerda tal-­ħajja, kemm dik tal-­bniedem stess kif ukoll ta’ kull ħajja oħra li taqsam din il-­pjaneta magħna. Imma anki l-­bniedem bħad­-dinosawri jiddependi mija fil-­mija fuq l­-ekosistema li tħaddan din il-­pjaneta tagħna.
    Meta l-­iżbilanċ f’din l-­ekosistema jiżdied, din tieħu l­-passi meħtieġa. U mhux sejra toqgħod tħares la lejn l-­uċuh u lanqss lejn l­intelliġenza jew n-nuqqas tagħha, biex is-­sistema ekoloġika terġa tikseb il-­bilanċ dimaniku tagħha. U għalhekk il-­bniedem ma għandux għalfejn jinkwieta biex isalva d-­dinja. Din issalva ruħha waħedha, meta u x'ħin ikun il-­waqt, anki jekk ma jkunx irid il­bniedem. Għalhekk il-­bniedem għandu jinkwieta biss biex isalva lilu n­nifsu.
    Fi żmien 100,000 sena l­-ħlejjaq jerġgħu jiġu f’tagħhom bl-­armonija bejn i-l­ħajja mifruxa madwar il­-pjaneta, mingħajr ebda speċi li taħseb li hija l-­aktar intelliġenti li taħseb lil-­kontrol huwa f’idejha. U fi ftit miljuni ta’ snin il-­bilanċ dinanimku jerġa jsib l-­armonja perfetta. Għal l-­ekosistema dawn il­-miljuni ta’ snin huma biss tebqa t’għajn.
    U l-­bniedem, l-­ispeċi li tgħid li hija l-­aktar intelliġenti fuq din il-­pjaneta, bil-­materjaliżmu kollu li jkun kiseb, bil-­flus li jkun ġemma’, bil-­bini majestuż u kbir li jkun tella’, bit-­teknologija u bl­-armi nukleari u kimiċi li jkun fassal, bil-­kisbiet kbar li jkun għamel, l­-ispeċi waħdanija li tista’ teħodha kontra minn ħalqha, tkun wasslet ukoll biex qerdet lilha n­nifisha.
    U l-­armonija f’din il-­pjaneta terġa sseħħ u ssib il-­bilanċ naturali tagħha, mingħajr l-­ispeċi li kienet taħseb li kienet l-­aktar waħda intelliġenti u l-­aktar b’saħħita u li ma kinetx kapaċi ssalva lilha nnifisha minħabba l-­kilba egoista.
     

    Alfred E Baldacchino
    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent

    alfredbaldacchino.wordpress.com
    aebaldacchino@gmail.com