Qabel tivvota nhar is-Sibt li ġej: aqra dan il-messaġġ

    Letters Scrabble Vote Word

    Nhar is-Sibt li ġej, int għandek l-obbligu li tiddedika ftit minuti biex tmur u tivvota. Il-vot tiegħek hu importanti, mhux biss għal min se jiġi elett, imma għalik innifsek, għax int għandek id-dritt li tiddeċiedi lil min trid li jkunu s-sitt rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-Parlament Ewropew. Dik hi l-elezzjoni tas-Sibt li ġej: għażla ta’ sitt persuni li int temmen li jistgħu jkunu verament it-tarka tiegħek, mhux biss fi Brussell u Strasburgu, imma anke hawn Malta. F’dan l-aħħar blogg fuq newsbook.com.mt qabel il-vot tas-Sibt li ġej, jien xtaqt nitkellem miegħek b’mod dirett, int min int, u għandek liema xejra politika għandek. Għax jien naħdem għal kulħadd, għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.

    Se tivvota lill-Partit Nazzjonalista?

    Nemmen li għamilt l-għażla t-tajba, għaliex huma l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li jistgħu jiggarantixxu li jaħdmu id f’id flimkien biex jiddefendu lil Malta. Importanti li tivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. Ftakar li tliet snin ilu, l-Partit Nazzjonalista rebaħ it-tielet siġġu biss għaliex in-nies ivvutaw għall-kandidati kollha. Nemmen li nistgħu nerġgħu nagħmlu dan is-suċċess.

    Se tivvota lill-Partit Laburista?

    Wisq probabbli, l-kampanja aggressiva tal-Partit Laburista fil-konfront tiegħi tagħtek impressjoni kompletament żbaljata tiegħi. Lili attakkawni fuq li attakkawni, pero’ ma jimpurtax. Nirrispetta l-għażla tiegħek nhar is-Sibt li ġej, u nassigurak li minkejja l-vot tiegħek, jien se nkun qed naħdem fil-Parlament Ewropew għalik ukoll.

    Għadek ma tafx lil min se tivvota?

    Wisq probabbli, bħalissa qed tisma’ messaġġi minn diversi kandidati, flyers id-dar, u reklami fuq reklami fuq is-social media u anke fuq il-media tradizzjonali. Ma ntikx tort tkun indeċiż jew indeċiża lil min għandek tivvota. Tagħżel lil min tagħżel, jien inwegħdek li se nkun qed naħdem għalik fil-Parlament Ewropew. Meta nnegozzjajt u assigurajt il-leave għall-ġenituri, ġibt quddiem għajnejja l-koppji kollha Maltin u Għawdxin, irrelevanti lil min ivvutaw. Baqgħalek ftit jiem biex taħsibha, imma nissuġġerilek li taħsibha sew għax il-vot tiegħek jista’ jkun kruċjali.

    Ma tafx hux se tivvota?

    Jista’ jkun għandek raġunijiet differenti għaliex għadek mhux deċiż jew deċiża li tmur tivvota nhar is-Sibt li ġej. Jista’ jkun m’intix kuntent bil-politika tal-partit politiku tiegħek, jew inkella m’intix ċert mill-valur tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew mhux tal-Ewropej, il-Parlament Ewropew hu tagħna l-Maltin u l-Għawdxin. Il-vuċi tiegħek għandha tkun b’saħħitha, u għalhekk inħeġġek biex tmur u tagħżel lil dawk l-individwi li temmen li għandhom is-saħħa fil-Parlament Ewropew biex ikunu hemm għalik, u li tista’ torbot fuqhom.

    Iddeċidejt li ma tmurx tivvota?

    Jiddispjaċini, imma ma naqbilx miegħek f’din id-deċiżjoni. Jekk tibqa’ tinsisti li ma tivvutax, is-sitt MEPs xorta waħda se jintgħażlu. Imma mhux se jkunu l-għażla tiegħek, imma se tkun qed tħalli lil ħaddieħor jiddeċiedi għalik. Jiena ma nħalli qatt lil ħaddieħor jiddeċiedi għalija. L-għażliet tiegħi, jien inkun irrid nagħmilhom. Nappellalek, erġa’ aħsibha. U jekk għadek ma ġbartx il-vot, ftakar li għandek sal-Ħamis filgħaxija.

    Ħbieb, inħalli f’idejkom biex tagħmlu l-għażla tagħkom. Lili tafuni, u tafu xi nsarraf. Tafu kemm u kif ħriġt għonqi għalikom. Bil-fiduċja tagħkom, hekk inkompli nagħmel.