Prosit Prim Ministru! – Patt soċjali storiku bejn l-imsieħba soċjali u l-Gvern

    Robert-Abela

    Malta kollha laqgħet bil-ferħ l-aħbar li l-imsieħba soċjali u l-gvern laħqu ftehim dwar għajnuna finanzjarja li se tingħata sew lil min iħaddem kif ukoll lill-ħaddiema li lkoll intlaqtu ħażin ferm kawża tar-riperkussjonijiet tal-COVID-19, il-virus li ħarbat il-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej u ta’ ħafna popli oħra f’diversi partijiet tad-dinja.

    Il-Maltin kuntenti mhux biss għaliex din l-għajnuna min-naħa tal-gvern se tassigura l-futur ta’ eluf ta’ nies imma anke għaliex dan huwa l-mod kif irridu naħdmu flimkien biex nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż. Jekk irridu l-progress għal pajjiżna, allura l-ħaddiema, min iħaddem, l-unjins, u l-gvern iridu jiġbdu ħabel wieħed fl-interess reċiproku ta’ kulħadd. Il-koperazzjoni bejnietna twassal għall-ġid għal kulħadd.

    Il-burraxka tal-Coronavirus għadha m’għaddietx u għad baqalna ħafna sagrifiċċji x’nagħmlu, imma tgħaddi wkoll. Jekk niġbdu ħabel wieħed noħorġu minnha bl-inqas dannu possibbli. Bħalissa l-għan tagħna lkoll irid ikun li nnaqqsu kemm nistgħu d-disseminazzjoni tal-virus u anke li nipproteġu kemm nistgħu l-impjiegi u l-futur tal-ażjendi tagħna f’dan il-pajjiż.

    Il-ġejjieni mhux se jkun wieħed faċli għaliex il-pandemija qed tħarbat l-ekonomiji tad-dinja kollha. Barra minn hekk, wieħed irid ukoll jiżen l-effett ħażin li qed ikollha fuq aspetti oħra importanti tal-ħajja bħall-edukazzjoni li hi ċ-ċavetta għal futur aħjar għal uliedna. Madankollu, il-koperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-gvern isserraħ moħħ il-Maltin u Għawdxin kollha li bħala nazzjon mexjin fid-direzzjoni t-tajba.

    Inkomplu hekk.