Prosit, Prim Ministru, nibqgħu iebsin u sodi mal-Ewropej bħalma kien Duminku Mintoff!

    Ħadt gost ħafna bl-azzjoni tal-Gvern Malti li rtira lil pajjiżna mill-missjoni tal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala “IRINI” li għandha l-għan li twaqqaf it-traffikar tal-armi lejn il-Libja. Iva, hekk irridu nimxu mal-Ewropej inkella se jibqgħu jirromblaw minn fuqna u prattikament jitrattawna qisna għadna xi kolonja bħal fi żmien l-Imperu Brittaniku.

    Kulħadd jaf kif l-Ewropej ġew waqgħu u qamu mill-problemi li qed tiffaċċja Malta minħabba l-immigrazzjoni rregolari. Tlabna kemm tlabna għajnuna, ħafna drabi spiċċajna bil-paroli fil-vojt biss u għajnuna konkreta xejn. Ma jistax ikun li nibqgħu sejrin hekk. Irridu nqumu u nuruhom li aħna lesti niġġieldu għad-drittijiet tagħna, nuruhom li aħna nippretendu bi dritt li pajjiżna jiġi ttrattat bir-rispett u d-dinjità li jixraqlu.

    Wara kollox, aħna nazzjon li tajna sehem qawwi fil-bini tal-Unjoni Ewropea għaliex ċarċarna demmna fit-Tieni Gwerra Dinjija kontra l-ideoloġiji qarrieqa tan-Nażiżmu u l-Faxxiżmu. Tajna sehemna biex kien possibbli li tinbena Ewropa ġdida u magħquda. Aħna poplu li dejjem konna parti mill-ġrajjiet Ewropej u mill-ħolma ta’ Ewropa waħda u magħquda.

    Niftakru fil-Perit Duminku Mintoff u nsegwu l-eżempju tiegħu meta ninnegozjaw mal-Ewropej. Mintoff qatt ma qagħad għal dak li riedu jiddettawlu l-Ewropej. Dejjem qis ruħu u lil pajjiżu bħala xejn inqas mill-Ewropej l-oħra. Dejjem innegozja b’mod iebes u sod fl-aħjar interessi ta’ Malta u l-Maltin. Meta kien hemm bżonn jieqaf lil pajjiżi ferm aktar potenti minna ma qagħadx lura u qatt ma kien iħalli lill-Ewropej iwaqqgħuh fuq id-difiża imma kien dejjem jattakka biex jikseb dak li jrid.

    Mela, prosit, Dr Robert Abela u l-kumplament tal-Gvern Laburista Malti. Inkomplu hekk għaliex mexjin fit-triq it-tajba!