Proposti għal żoni ta’ camping u caravans fin-naħa t’isfel ta’ Malta

    caravans

    Qed nippreżenta proposta b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal Caravan & Camping Designated Areas fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Din il-proposta hi l-ewwel waħda ta’ din ix-xorta u wara li intervjenejt biex nagħti lura l-Bajja ta’ San Tumas lill-pubbliku ta’ Marsaskala, impenjajt ruħi biex b’mod organizzat, dawk li għandhom għal qalbhom il-camping bħala mezz ta’ rikreazzjoni, ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod organizzat u b’rispett lejn il-bqija tal-komunità u l-ambjent.

    Il-proposta hi msejsa fuq 5 prinċipji:

    (i) Fin-naħa t’isfel ta’ Malta jkollna siti organizzati mmirati li jilqgħu fihom attivitajiet marbuta ma’ camping. B’hekk b’mod adekwat u organizzat wieħed ikun jista’ jirrikrea ruħu permezz ta’ caravans, tined u campers għal perjodu stipulat.

    (ii) Jiżdied il-kummerċ u t-turiżmu alternattiv lejn Marsaskala u Marsaxlokk.

    (iii) Artijiet rurali jkunu utilizzati u apprezzati fl-istat naturali tagħhom bl-inqas impatt ta’ żvilupp u tniġġis possibbli.

    (iv) Jitfasslu sett ta’ avviżi legali li jistipulaw kontroll mill-Gvernijiet Lokali rispettivi fuq operaturi ta’ Camping u Caravan sites biex tkun regolarizzata u ffaċilitata l-attività rispettiva b’liċenzji adekwati.

    (v) Tiġi ssalvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull individwu li jagħmel użu minn dawn is-siti għall-pjaċir flimkien ma’ dawk abitanti fiż-żoni rispettivi.

    Identifikajt artijiet li l-maġġoranza tagħhom huma artijiet tal-Gvern b’parametri ta’ linji gwida għall-proġetti b’enfasi ekoloġiċi fit-twettieq tagħhom. Id-dokument li qed ikun preżentat ukoll lil Awtorità tal-Ippjanar għall-kunsiderazzjoni tagħha tinkludi żoni ideali għal Camping u Caravan sites:

    – biswit it-Torri San Luċjan, Marsaxlokk

    – żona fi Triq Tat-Trunċiera/Triq San Luċjan, Marsaxlokk

    – żona f’Telgħet il-Munxar, Marsaskala

    – partijiet miż-Żonqor, Marsaskala

    – parti minn Triq Delimara, Delimara

    Is-siti proposti huma lkoll aċċessibbli mit-triq, konfinati u f’distanzi qrib postijiet storiċi ubajjiet mingħajr ma jirristrinġu l-aċċess jew jingumbraw artijiet għal dominju pubbliku.

    Qed nelenka linji gwida għall-fini ta’ infrastruttura u mmaniġġjar tal-istess siti. Jispikkaw fosthom li:

     Is-siti jridu joffru aċċess għall-eminitajiet neċessarji inkluż elettriku, dawl, ilma, u servizzi provduti għal tisjir, ħasil u iġjene u ndafa personali.

     Fiż-żona ma jistgħux jinbnew bangaloes jew holiday apartments. Mal-karatteristika tal-post, il-bini jrid ikun minimu u mhux iktar minn 20% tal-area tas-CDA. Għandu jkun inkoraġġit tħawwil ta’ siġar indiġeni biex joffru kenn għal dawk li jagħmlu użu mis-siti apparti li jtejbu l-estetika ambjentali.

     Jekk tippermetti ż-żona, l-operatur tas-CDA jista’ jżomm sa massimu ta’ 10 caravans/campers jew cabins personali permanenti li jikri għal kirjiet fit-tul (long lets). Il-postijiet l-oħra jridu jkunu għal użu/kiri lil terzi b’liċenzja mħallsa mar-regolamenti Maltin.

     Is-siti jridu jkunu mgħammra b’rampi u twapet għall-wheelchairs biex jiffaċilitaw l-aċċess.

     Persuni li jagħmlu użu mis-siti assenjati għall-caravans/campers iridu jiġu reġistrati mal-Gvern Lokali tul il-perjodu li jagħmlu użu mill-faċilità.

     CDAs iridu jkunu mgħammra b’apparat ta’ Saħħa u Sigurtà u ċċertifikati minn entitajiet kompetenti. Spezzjonijiet ta’ rutina għandhom ikunu reġistrati kull tliet xhur u rapport tagħhom ippubblikat online.

     Kull CDA irid jikkontratta kuntrattur għal ġbir ta’ skart regolari. Il-ftehim irid ikun reġistrat mal-Gvern Lokali rispettiv.

    Nappella biex il-Kunsilli Lokali rispettivi jagħmlu tagħhom dawn il-proposti għall-benefiċċju tal-istess lokalitajiet. Nirringrazzja lil dawk kollha li għarfu li biex wieħed jiddeverti ma joħloqx inkonvenjent għal ħaddieħor u għenu biex tali proposti jkunu jistgħu jiġu finalizzati. Għandi fiduċja fil-Ministru tal-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll il-Ministru tal-Infrastruttura li jibnu fuq dawn il-proposti u jimplimentaw fl-aqwa interess ta’ pajjiżna u d-distrett li b’għożża nirrappreżenta.

    Mill-backbench qed nagħżel li nkun proattiv u jiena kburi li nifforma parti minn grupp parlamentari, li minkejja li qed nissieltu pandemija, qed juri li dan il-Gvern mhux biss iffukat fuq Malta tal-lum, imma b’entużjażmu u enerġija taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, qed iħares lejn Malta ta’ għada b’suċċess għal ġid ta’ kull Malti u Għawdxi.