Premjijiet u eloġji… u Sanremo

    Din il-ġimgħa ta’ Sanremo. Għal kull min, bħali, kiber fuq dieta stretta ta’ televiżjoni Taljana fit-tmeninijiet, din ġimgħa fejn ara min ikellimni flgħaxijiet waqt il-ħames serati tal-Festival, u d-diskors xi ftit jew wisq jaqa’ fuq il-Festival, fuq kif sejjer, min għandu kanzunetta tajba, min “xbajna nisimgħu l-istess diski” u – ovvjament – il-Ħadd filgħodu kontroversji sħaħ fuq ir-rebbieħ.

    “U ajma mela kienu fis-sakra l-ġurija?”

    “U x e! Kemm kienet aħjar l-oħra li ġiet it-tielet!”

    U sejrin hekk.

    Il-Festival se jagħlaq 70 sena b’din l-edizzjoni, u daqskemm hemm diski rebbieħa li daħlu fl-istorja tal-mużika Taljana, daqstant – anzi, probabbli wisq iżjed – hemm diski li saru klassiċi, parti mir-repertorju ta’ kull “sempreverdi”, illi kienu marru ħażin fil-Festival, twarrbu mill-ġurija jew saħansitra ġew eliminati mill-ewwel.

    Minn “Vita Spericolata” ta’ Vasco Rossi li kien ġie prattikament l-aħħar fil-klassifika, għal “Il ragazzo della via Gluck” ta’ Adriano Celentano li lanqas biss għaddiet għall-finali, u ħafna ħafna oħrajn (“Donne” ta’ Zucchero, “Con te partirò” ta’ Andrea Bocelli).

    Fid-dinja tal-ktieb, l-istess “saħta” – jew “barka”, skont kif tħares lejha – ġrat iżjed iva milli le. Ħu l-Booker Prize, l-akbar premju letterarju għal-letteratura bl-Ingliż fid-dinja. Uħud mill-aqwa xogħlijiet letterarji, li baqgħu jissemmew u sabu posthom f’kanoni letterarji, ġew imwarrba mill-ġurija tal-premju. Biżżejjed insemmu Trainspotting ta’ Irvine Welsh, The Handmaid’s Tale ta’ Margaret Atwood, The Satanic Verses … u nibqgħu sejrin. Dawn illum klassiċi osannati, filwaqt li wħud minn dawk li rebħu flokhom ġa ntesew u ssibhom biss f’xi bargain bin ta’ ħanut tal-kotba qed jipprova jeħles minn ftit stock antik.

    U naturalment Malta, qatt ma rajna trend jew opportunità ta’ kontroversja li ma ppruvajniex nemulaw. Dis-sena l-ġurija tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jidher li ddeċidiet li xtaqet toħloq ftit kontroversja. Il-Booker, nimmaġinahom jaħsbu, għadhom kif ħolqu kontroversja billi assenjaw premju-doppju flok wieħed. Aħna x’nistgħu nagħmlu biex niġbdu ftit attenzjoni ’l hawn ukoll? Controversy sells, wara kollox, u qatt daqs dis-sena ma n-nies u l-media tkellmet dwar il-Premju. Jiġifieri chapeau, missione riuscita hemmhekk.

    Il-kontroversja, kif kulħadd jaf, qalgħuha billi l-premju prinċipali, dak għar-rumanz, ma assenjawhx, u dan wara li huma stess kienu għamlu shortlist ta’ tliet rumanzi li dehrilhom li kienu eċċellenti biżżejjed biex jiġu shortlisted.

    Imma nsomma, wara kollox il-kontroversja riedu, u l-kontroversja ħadu, kemm bħala Premju kemm bħala ġurati illi rajniehom non-stop fuq il-media soċjali u dik stampata, jagħtu l-interpretazzjonijiet u l-kontrointerpretazzjonijiet u ġustifikazzjonijiet tagħhom. Stqarrijiet lill-media, imbagħad ritrattazzjoni-parzjali u re-interpretazzjoni ta’ x’riedu jfissru, eċċetra. Il-15-il minuta fama ta’ Warhol, elaborata għad-dinja tal-ktieb Malti.

    Inkun onest. Bħala l-pubblikatur ta’ wieħed mit-tliet rumanzi finalisti (Castillo ta’ Clare Azzopardi), nammetti li kummerċjalment kuntent bil-kontroversja, għax fejn spiss il-Premju jgħaddi bla ma n-nies biss tinduna – ħlief għall-klikek tal-kittieba u dawk midħla tal-kotba – dis-sena qamet kurżità sħiħa u l-bejgħ online ta’ Castillo f’dat-tlett ijiem mindu tħabbar il-Premju qabeż il-kopji kollha mibjugħa fis-sitt xhur preċedenti. U lanqas mhi l-ewwel darba li ktieb li tant ikun mar tajjeb kummerċjalment fil-bejgħ u bħala apprezzament mill-qarrejja, jiġi snobbjat minn premju.

    Sabiħ li, fost il-ġlied fuq miljun ħaġ’oħra li għaddej hawn Malta, qed nargumentaw ftit dwar il-kotba wkoll. Xi karru tal-karnival bil-ġurati fuqu jonqosna…