Politika tal-pappagalli

    Xi  ħaġa  negattiva  ħafna  fil-politika  attwali  f’Malta  hija  l-mod  kif  il-partiti  politiċi  jikkontrollaw  id-diskors  politiku  fil-pajjiż.  Illum  saħansitra  kultant  lanqas  tista’  tistieden  lil  min  trid  fuq  programmi  tat-televiżjoni  u  r-radju  għaliex  il-partiti  politiċi  jikkontrollaw  lil  min  jintbagħat  jitkellem. 
    Dan  kollu  mhux  tajjeb  għaliex  ħafna  drabi  tispiċċa  dejjem  bl-istess  nies  u  bl-istess  ideat  ristretti.  Hekk  il-partiti  politiċi  jkunu  qed  joħonqu  ideat  friski  u  differenti,  kunċetti  ġodda,  mod  ieħor  ta’  kif  jistgħu  jsiru  l-affarijiet.  Il-messaġġ  mogħti  huwa  dejjem  mija  fil-mija  dak  tal-politika  attwali  tal-partit.  U  hekk  il-poplu  jiġi  mitmum  dejjem  l-istess  ideat  u  ħafna  drabi  permezz  tal-istess  kelliema  jew  kittieba.
    Spiċċajna  f’sitwazzjoni  fejn  nistgħu  ngħidu  li  għandna  politika  tal-pappagalli  fejn  numru  ristrett  ta’  kelliema  u  kittieba  jirrepetu  l-ħin  kollu  dak  li  jkun  irid  jgħid  il-partit.  Min  ikollu  ideat  xi  ftit  differenti,  forsi  anke  aktar  immaġinattivi  u  friski,  jitħalla  fuq  l-ixkaffa.  Ftit  ftit,  qed jingħalqu  numru  ta’  bibien  li  jagħtu  aċċess  demokratiku  lil  dak  li  jkun  biex  isemma’  leħnu.   
    Għallinqas,  illum  għandna  l-hekk imsejħa  “social  media”  fejn  iċ-ċittadin  jista’  jsemma’  leħnu  meta  jrid  u  kif  irid.   Madankollu,  xorta  jibqa’  l-fatt  li  numru  mhux  ħażin  ta’  nies  anzjani  lanqas  biss  jużaw  il-mezzi  ġodda  ta’  komunikazzjoni  soċjali  u  għadhom  jiddependu għat-tagħrif  tagħhom  mit-televiżjoni,  ir-radju  u  l-ġurnali.  Dawn  huma  l-iktar  nies  vulnerabbli  għall-manipulazzjoni  tat-tagħrif  pubbliku  min-naħa  tal-partiti  politiċi.
    Forsi  jkun  tajjeb  ukoll  li  neżaminaw  ftit  kif  il-partiti  politiċi  tagħna  huma  strutturati  u  jekk  dawn  jirrappreżentawx  verament  dak  li  jemmnu  fih  il-maġġoranza  tal-membri  tagħhom.  Qed  ngħid  dan  għaliex  int  jista’  jkollok  sitta  min-nies  f’pożizzjonijiet  ta’  poter  f’partit  politiku  li  jmexxu  l-aġenda  tagħhom  u  bis-saħħa  tal-istrutturi  tal-partit  u  l-midja  tiegħu  jwettqu  tibdiliet  fil-pajjiż  li  l-maġġoranza  tal-membri  tal-partit  ma  jkunux  jaqblu  magħhom.  Għalhekk,  nemmen  li  fuq  ċerti  kwistjonijiet  t’interess  nazzjonali  u  li  jolqtu  lil  kulħadd,  il-partiti  politiċi  għandhom  jitolbu  l-opinjoni  tal-membri  kollha  tagħhom  u  mhux  jibbażaw  fuq  id-delegati  biss.  Kulħadd  jaf  li  d-delegati huma l-hekk imsejħa “hardcore” tal-partiti u  ħafna  minnhom  qatt  m’huma  se  jmorru  kontra  dak  li  jiddeċiedu  t-tmexxija  u  l-amministrazzjoni  tal-partiti.
    Esperimenti  f’aktar  demokrazija  fi  ħdan  il-partiti  politiċi  jridu  jkunu  veri  u  mhux  finta.  Pereżempju,  xi  skop  hemm  li  tagħmel  laqgħa  pubblika  fejn  il-kelliema  jkunu  magħżulin  mill-partit  politiku  u  saħansitra  l-mistoqsijiet u min  jagħmilhom?  –  Hemm  bżonn  nifhmu  darba  għal  dejjem  li  min  jiġi  elett  għal  pożizzjoni  ta’  poter  qiegħed  hemm  qabel  kollox  biex  jaqdi  u  mhux  biex  jikkmanda  biss.  Qal  sew  wieħed  mill-aħjar  kittieba  Maltin  dan  l-aħħar  meta  lmenta  li  donnu  dan  il-prinċipju  qed  jintesa.
    Irridu  nirriflettu  sew  fuq  kif  nistgħu  nagħmlu  l-partiti  politiċi  aktar  demokratiċi  biex  nagħtu  aktar  vuċi  liċ-ċittadini  attivi  politikament