Politiċi, uru rispett lejn il-Kattoliċi Maltin!

    Quddiesa

    Huwa fatt magħruf li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin huma Kattoliċi. Madankollu, inħoss li llum morna minn estrem għall-ieħor. Fis-snin sittin il-Knisja Kattolika tista’ tgħid li kellha kontroll assolut fuq il-ħajja soċjali kollha fil-Gżejjer Maltin u l-politiċi ta’ dawk iż-żminijiet kienu juru rispett kbir lejn is-sentimenti reliġjużi tal-Kattoliċi Maltin. Anke fi żmien l-eqqel tal-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża, il-qatt minsi Perit Duminku Mintoff, Mexxej tal-Partit Laburista, kellu rispett kbir lejn l-avversarju tiegħu, l-Arċisqof Mikiel Gonzi u dejjem għamilha ċara li minkejja d-differenzi ta’ bejniethom, huwa kien jirrispetta b’mod assolut lil dawk kollha li kienu Kattoliċi. Sfortunatament, illum is-sitwazzjoni marret għall-agħar ħafna minn dawk iż-żminijiet.

    Għadna kemm rajna x’ġara fil-każ ta’ bniedem li jokkupa kariga pubblika u li dagħa pubblikament. Stennejt li b’rispett lejn is-sentimenti reliġjużi tal-Kattoliċi Maltin, aġir bħal dan kellu jiġi kkundannat mill-partiti politiċi kollha u bl-appoġġ ta’ dawk kollha li huma parti mix-xena politika. Xejn minn dan kollu! -Diżappuntat ħafna bil-Gvern Laburista li żamm lil din il-persuna fil-kariga minkejja nuqqas hekk serju u hekk nieqes mid-dinjità minn min ġie fdat b’kariga pubblika f’isem iċ-ċittadini Maltin kollha.

    Kellek Segretarju Permanenti, is-Sur Frank Fabri, li aġixxa bl-akbar serjetà u professjonalità meta talab ir-riżenja ta’ min żbalja bl-ikrah. Imbagħad kellek lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Dr Justyne Caruana, li waqqgħet il-kelma tas-Segretarju Permanenti tagħha stess fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni billi aċċettat skuża mingħand min wettaq l-iżball u b’hekk żammet fil-kariga lil xi ħadd li offenda b’mod serjissimu s-sentimenti reliġjużi tal-maġġoranza tal-Maltin. Dak eżempju ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ tagħna!

    Daqstant ieħor diżappuntanti kienet ir-reazzjoni fil-kamp Nazzjonalista. Stennejt kundanna bla riżervi tal-aġir ta’ min offenda s-sentimenti reliġjużi tal-maġġoranza tal-Maltin. Ma tarax! – L-esponenti Nazzjonalisti, għal skopijiet purament politiċi partiġġjani, ġew waqgħu u qamu mill-prinċipji kollha u attakkaw it-talba ta’ riżenja li kienet saret oriġinarjament mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Qalu li la ħaddieħor li żbalja bl-ikrah ma ntalabx jirriżenja, mela lanqas f’dan il-każ m’għandha tintalab riżenja. Insew, għax hekk kien jaqblilhom politikament, dak li jgħid l-Ingliż: “two wrongs don’t make a right”!

    Sfortunatament, dan kollu huwa r-riżultat ta’ proċess kultant sottili u kultant mhux daqstant sottili li beda fiż-żmien meta Dr Joseph Muscat kien imexxi l-Partit Laburista u li l-iskop primarju tiegħu kien li titnaqqas b’mod radikali l-influwenza tal-Knisja Kattolika fis-soċjetà Maltija. Proċess li laħaq il-qofol tiegħu meta ġew approvati l-emendi li jneħħu mil-liġi Maltija l-villifikazzjoni tar-reliġjon. Jiena ċert li l-maġġoranza tal-Maltin kienu kontra din il-bidla li saret imma, dak iż-żmien, Dr Joseph Muscat ipprefera jagħti każ kif kienu jaħsbuha ftit nies anti-klerikali li sservew bil-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni għall-iskop tagħhom li ma kien xejn ħlief attakk baxx fuq ir-reliġjon Kattolika f’Malta. Xi ħaġa li anke l-maġġoranza tal-Laburisti, tneħħi ftit lagħqa, kienu qatta’ bla ħabel kontriha. Kont naħseb li l-affarijiet inbidlu issa li Dr Joseph Muscat m’għadux imexxi l-Partit Laburista imma jidher li l-influwenza tiegħu għadha qawwija ħafna minn wara l-kwinti.

    Għalhekk, nappella lill-politiċi Maltin kollha biex ikunu aktar serji u jirrispettaw is-sentimenti reliġjużi tal-maġġoranza tal-Maltin. Noqogħdu attenti wkoll minn sezzjoni tal-media li qed tmexxi kampanja fina kontra dawk kollha li huma Kattoliċi prattikanti. Hemm min, l-aktar fil-media bl-Ingliż, li qed imexxi kampanja baxx baxx favur l-abort u kwistjonijiet oħra li jolqtu mill-qrib lit-twemmin Kattoliku. Dan qed isir b’mod makakk billi min iħaddan prinċipji Kattoliċi qed jiġi pinġut bħala “konservattiv” u min hu l-kontra bħala “progressiv”.

    Nittama li tasal il-ġurnata li din il-mewġa ta’ sekulariżmu sfrenat u attakki bla rażan fuq ir-reliġjon Kattolika jispiċċaw. Sfortunatament, il-mentalità kolonjali għadha teżisti fostna u hija qawwija fost uħud li jriduha ta’ moderni. Dawn iridu jimitaw lill-maġġoranza tal-Ewropej li llum saru popli li abbandunaw u eliminaw r-reliġjon minn ħajjithom. Insult kbir mhux biss lejn il-Kattoliċi tal-lum f’pajjiżna imma anke lejn il-memorja ta’ ommijietna u missirijietna li fl-imgħoddi saħansitra xerrdu demmhom biex iżommu ħaj f’pajjiżna r-reliġjon li dejjem emmnu fih.