PN: Mill-ħażin għall-agħar?

    Tbellaħt dan l-aħħar meta qrajt li l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, qal f’konferenza stampa li l-Eżekuttiv tal-Partit se jkun qed jiltaqa’ biex jiddiskuti r-ristrutturar tal-PN. U dan wara li ftit ilu, il-Kap, Dr Adrian Delia, qal li l-PN għad jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Donnu t-tmexxija tal-PN qed tgħix fil-qamar u ma tistax tifhem li, ftit ftit, l-elezzjoni ġenerali li jmiss riesqa u huma għadhom għaddejin bir-ristrutturar u b’tamiet fiergħa ta’ rebħa elettorali. Rebħa li hija biss “wishful thinking”!

    Barra minn hekk, għandek Gvern Laburista li qed jikseb suċċess wara suċċess. Jien naħseb li r-rebħa kbira li għamel il-Gvern fuq il-COVID-19 hija l-akbar waħda mill-2013 ‘il hawn. Dan għaliex wera li hu gvern effiċjenti u verament denju li jmexxi lil dan il-pajjiż. Gvern li rnexxielu jgħaqqad lill-poplu fi sforz sostnut minn kulħadd biex flimkien negħlbu l-pandemija li ħakmet lid-dinja. Kien tassew impressjonanti kif il-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Robert Abela ħa deċiżjonijiet f’waqthom biex hekk ħares l-interessi sew ta’ saħħet il-poplu kif ukoll tal-ekonomija ta’ Malta.

    U xi ssib fuq in-naħa l-oħra? – Partit politiku li għadu maqsum u li għadu għaddej b’tibdil kosmetiku li ma jwassal imkien. Illum għandek ħafna fazzjonijiet ta’ Nazzjonalisti, kollha joperaw għal rashom u l-Kap tal-PN jiżfen fin-nofs! – Għandek fazzjonijiet fi ħdan il-Partit Nazzjonalista nniffsu; għandek Nazzjonalisti li joperaw minn barra l-Partit bħal dawk li jimmilitaw fl-NGO “Repubblika” jew il-grupp “Occupy Justice”. Għandek oħrajn li joperaw għal rashom bħal Manuel Delia u s-segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia. Taħwida manja u Dr Adrian Delia ma jistax isib irkaptu tagħha.

    Sadanittant, wieħed jistaqsi x’sar minnu Dr Louis Galea u s-suppost riforma tal-PN li kellu jwettaq. Ma tantx jidher li kiseb suċċess s’issa għaliex is-sondaġġi qed juru li l-Partit Nazzjonalista baqa’ għaddej għan-niżla! – Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk, l-elezzjoni ġenerali li jmiss se tkun biss formalità, bil-mistoqsija tkun b’kemm se jitlef il-Partit Nazzjonalista.

    U l-Partit Laburista dejjem iżid fl-appoġġ. Min jaf kif qed iduru f’qabarhom nies bħal Sir Ugo P. Mifsud, Dr Enrico Mizzi, u Dr Ġorġ Borġ Olivier meta jaraw f’liema sitwazzjoni patetika waqa’ l-Partit Nazzjonalista tal-lum!