PN: Lejn telfa elettorali akbar

    Hekk kif ħafna nies qed jistennew bil-ħerqa biex jaraw kif se tispiċċa s-sitwazzjoni preżenti fil-Partit Nazzjonalista wara r-ribelljoni kontra l-Kap, Dr Adrian Delia, forsi ftit qed iqisu l-fatt li l-iktar konsegwenza serja ta’ dak kollu li sar se tkun li numru sostanzjali ta’ partitarji Nazzjonalisti mhumiex sejrin jivvotaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan għaliex jekk tgħaddi ta’ Delia, numru ta’ partitarji m’għandhomx fiduċja fih u ma jivvotawx lill-PN ħalli fl-aħħar itajjruh żgur minn Kap. Min-naħa l-oħra, jekk tgħaddi tar-ribelli u jilħaq xi ħadd ieħor Kap flok Adrian Delia, numru mdaqqas ta’ dawk li jappoġġjawh mhumiex se jivvotaw lil partit li l-Kap tiegħu ikun qalibha lil Adrian Delia, u din xi ħaġa li hemm min diġà qalha bil-miftuħ fil-pubbliku.

    Jibqa’ l-fatt ukoll li ċerta ħsara li saret lill-Partit Nazzjonalista hija rreparabbli qabel jgħaddu numru ta’ snin u qabel l-uċuħ fil-partit jinbidlu għal kollox. Forsi ma kienx qed jesaġera kummentatur fuq is-sitwazzjoni politika attwali meta qal li jista’ jkun li l-Prim Ministru Nazzjonalista tal-futur lanqas biss għadu twieled! – Dan għaliex kemm idum Kap tal-PN Dr Adrian Delia, il-kontroversji se jibqgħu jiġru warajh minħabba d-dellijiet li hemm fuqu. Min-naħa l-oħra, ir-ribelli kontra Delia mhumiex konvinċenti u l-pubbliku mhuwiex jemmen dak li qed jgħidu għaliex huwa ovvju li hu bla bażi. Per eżempju, min hu daqshekk baħnan li se jibla’ dak li qed jgħidu r-ribelli li kien Dr Adrian Delia li bl-aġir tiegħu ħoloq il-firda fil-PN? – Mhux kulħadd jaf li hemm min ilu jimmina lil Dr Delia mill-ewwel ġurnata li laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista? – Jew liema baħnan se jaċċetta l-argument li Dr Adrian Delia għandu jwarrab għax falla, meta kulħadd jaf li hemm min għamel minn kollox biex jostakolah u jtellfu fil-ħidma tiegħu fi ħdan il-PN? – Tajba din! – Mela tagħmel sabutaġġ kontra mexxej ta’ partit politiku, imbagħad titolbu jwarrab għax falla!

    Għalhekk, jidher ċar li, jiġri x’jiġri, għandna żgur sa wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda paġna verament ġdida fl-istorja tiegħu. Jidher ċar ukoll li issa l-PN qed jiffaċċja telfa elettorali akbar minn dik li kienet prevista. Il-problema kbira u tassew inkwetanti hija li sakemm jibda jirkupra, jista’ jkun li l-Partit Nazzjonalista jkun sar irrelevanti fl-arena politika. U dan aktar u aktar meta wieħed jirrifletti fuq il-fatt li l-Partit Laburista fil-gvern jidher li qed jirkupra sew mill-problemi tal-governanza tajba li kellna f’dan il-pajjiż fi żmien it-tmexxija ta’ Dr Joseph Muscat, u qiegħed jissoda l-appoġġ tiegħu.