#Pledgeforparity

    Bħal kull sena għall-ħabta tal-bidu ta’ Marzu dejjem inħoss id-dmir li nikteb dan il-blogg dwar l-irwol tal-mara fis-soċjetà. Dan mhux għax għal kumplament tas-sena dan il-qasam jiġi minsi, pjuttost il-kontra, għallinqas żgur mhux għal dawk il-ħafna attivisti li jagħtu ħinhom għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; iżda għaliex fit-8 ta’ Marzu d-dinja kollha tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tal-Mara. Forsi ħafna jistaqsu, ‘Imma għad hemm bżonn li nkomplu nfakkru dan il-jum?’, u ħafna oħrajn jgħidu, ‘Jum il-Mara għandu jiġi mfakkar s-sena kollha’.
    Ir-risposti tiegħi għal dawn il-kummenti t’hawn fuq huma,  ‘Iva, għad hemm bżonn li nkomplu nfakkru din il-ġurnata għax għalkemm imxejna ħafna, sal-llum il-ġurnata, f’’ċertu oqsma n-nisa għadhom ma kisbux l-ugwaljanza. Dan jgħodd ukoll għal ħafna pajjiżi madwar id-dinja li żgur għadhom ma waslux fejn wasalna aħna’. Ħa nkompli nispjega kif u għaliex iktar l’ quddiem. Għat-tieni kumment ir-risposta tiegħi hija, ‘Iva, tassew li l-ugwaljanza għanda tiġi ċċelebrata kuljum, u l-ħidma lejn il-kisba tagħha għanda tibqa’ ssir kuljum, iżda huwa ferm importanti li għal ġurnata waħda biss niddedikaw ftit ħsibijietna, fost il-ġenn u l-impenji kollha tal-ħajja, għall-irwol tal-mara fis-soċjetà, għall-kisbiet li rnexxielhom jagħmlu ħafna nisa li ġew qabilna, u għall-kisbiet li aħna u ta’ warajna għad baqgħalna nagħmlu. Barra minnhekk din il-ġurnata tista’ tkun għalina, għal dawk li jfasslu l-politka u għal-politiċi, ġurnata fejn inqisu u nkejlu ftit fejn wasalna u fejn irridu naslu u x’għandna nagħmlu biex inkomplu naħdmu lejn il-parità bejn il-ġeneri’.
    Madwar id-dinja kollha ħafna nisa qed ikomplu jikkontribwixxu lejn kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi. Iżda skond il-World Economic Forum qed jiġi stmat li l-passi ta’ progress biex jingħalaq id-distakk bejn il-ġeneri pjuttost naqsu u allura m’hemm l-ebda ċans li dan id-distakk jingħalaq qabel is-sena 2133. Dan ifisser li l-inugwaljanza bejn il-ġeneri se tibqa’ (u għanda xi ddum) magħna mhux ħażin.
    Wieħed mill-oqsma fejn in-nisa għadhom ma kisbux l-ugwaljanza huwa fid-dinja tax-xogħol u l-impjieg. Sfortunatement għad hawn ħafna kumpaniji, kemm kbar u żgħar, f’Malta, kif ukoll barra, li għadhom jiddiskriminaw man-nisa. Jista’ jagħti l-każ li dan ma jagħlmuhx b’mod apert imma sempliċiment għax ma joffrux miżuri favur il-familja jew billi ma jimpjegawx mara, anke jekk din tkun ikkwalifikata, għax hemm iċ-ċans li jkollha bżonn il-leave tal-maternità. L-inugwaljanza teżisti wkoll fuq in-numru ta’ nisa fuq bordijiet korporattivi u dan mhux għax ma jeżistux nisa kapaċi imma għax tirrenja l-attitudni li ‘minn dejjem sar hekk’. Dan biex ma nsemmux oqsma oħra, li huma ħafna iktar għar u iktar komuni ‘l bogħod minn pajjiżna, bħal m’huma ż-żwieg ta’ bniet żgħar u taħt l-età, u l-Female Genital Mutilation (FGM) – li jirrikjedu blogg sħiħ għaihom.
    Għal din is-sena, numru ta’ kumpaniji kbar internazzjonali, li jħaddnu l-ugwaljanza u li setgħu jaraw il-frott li l-ugwaljanza ħalliet fuq il-kumpanija tagħhom, ingħaqdu flimkien biex il-parità bejn il-ġeneri ssir aktar reali. Dawn l-istess kumpaniji qed jitolbu lill-pubbliku jingħaqad magħhom u juża’ l-hashtag #pledgeforparity, filwaqt li fl-istess ħin il-pubbliku jimpenja ruħu biex b’mod konkret jgħin biex dan id-distakk bejn il-ġeneri jonqos kemm jista’ jkun. Barra minnhekk, bil-mod differenti ta’ kull wieħed u waħda minnha ngħinu biex in-nisa u bniet jersqu iktar viċin lejn l-ambizzjonijiet tagħhom; biex nirrispettaw u nagħtu valur lid-differenza; u biex niżviluppaw kulturi aktar inklussivi u flessibli.
    Għalhekk ejjew nużaw din il-ġurnata biex b’mod konkret u prattiku nimxu mill-kliem għal fatti u b’hekk permezz tax-xogħol ta’ kull wieħed u waħda minna nkomplu nnaqqsu ftit ftit dan id-distakk, jekk mhux għalina, għal ħafna nisa, tfajliet u bniet li ġejjin warajna.