Persekuzzjoni

    Inħoss li t-tagħlim tal-Knisja, (‘il bogħod mill-fanatiżmu reliġjuż)  mhuwiex xi  tagħlim li jbellagħlna r-ross bil-labra, iżda li jirrispetta l-libertà tal-bniedem.

    L-Abbozz ta’ liġi dwar l-Ugwaljanza (Att 96 u l-Att 97) fil-prinċipju tidher li fiha valuri sbieħ, iżda kif ġiet preżentata oriġinarjament fiha perikli kbar li joħonqu l-libertà tat-twemmin u tal-espressjoni.  .Din il-liġi hija ta’ theddida għat-tagħlim tal-knisja u l-iskejjel tagħha. Bla dubju hemm lok għad-diskussjoni, iżda l-abbozz preżentat kif inhu, fih konsegwenzi koroh li joħonqu d-drittijiet ta’ dawk kollha li jemmnu X’inhi eżattament l-intenzjoni ta’ dan l-abbozz? Li neqirdu dak li kbirna fih?  B’ liema dritt ċertu prinċipji ma jistgħux jitwasslu lit-tfal tagħna?  B’liema dritt?

    Filwaqt li ġa saru diskussjonijiet fil-Parlament dwar din il-liġi li tgħid li l-libertà tal-espressjoni tinkludi wkoll li tista’ tidgħi b’Alla, li issa se jkollok id-dritt tinsolentah u tiddieħaq bih, li kważi kważi tista’ tkasbru u tinkludih f’xi kummiedja televiża.  Għax dan huwa dritt tagħna biex inħossuna liberi.   L-imħuħ wara din il-liġi kważi kważi jriduna nġibu lil Alla u t-tagħlim tal-Knisja bħala ZERO. Aħna li nemmnu, nibqgħu inkunu difensuri tal-libertà mingħajr ma nċedu għat-tentazzjonijiet u x-xinxilli li xi wħud ipinġulna, taħt il-kelma DRITT. Il-kelma “dritt” taf tkun perikoluża.  Min irid il-libertinaġġ jaf jitlef ġieħu  jsir ilsir, isir skjav.

    Jien bħala rappreżentant tal-poplu, nappella biex ma nċedux għat-tentazzjoni li jippromwovi dan l-abbozz,  u taparsi ninħbew wara l-valuri sbieħ, imma fil-verità ma tistax tipprietka l-valur tal-Vanġelu.  Dan kollu f’isem il-libertà. Imma fil-verità dan hu għanqbut. Aħna mhux għanqbut irridu, imma l-veru progress huwa meta l-bniedem ikun ħieles, mingħajr ħadd ma jimponi fuqu.

    Immaġina skola tal-knisja trid tkun obbligata timpjega għalliema bi ħsibijiet differenti, barra dik kattolika. Immaġina għalliema tal-Bijoloġija ġo skola tal-knisja li tgħallem favur l-abort. B’dan id-dritt, l-għalliema jistgħu jgħallmu r-reliġjon u l-valuri waqt il-lezzjoni tar-reliġjon biss, għax inkella tkun qed toħnoq il-libertà tal-fidi.

    Kull min bħali tgħallem ġo skola tal-Knisja, jaf eżattament x’valuri ħadna u kemm inbierek lil ġenituri tiegħi li bagħtuni hemm. Għax minn hemm ħadt għejun ta’ informazzjoni li napplika għal ħajti u anki għall-ħajja eterna.  Din il-liġi mhijiex tirrispetta aktar dan.  Din il-liġi trid twaqqaf kull attività, trid twaqqaf kull tagħlim u mġiba li jkunu mdawlin mill-valuri nsara.

    Immaġina r-Radju tal-Knisja ma jistax ixandar it-tagħlim tal-vanġelu minnu, għax inkella xi ħadd jista’ jħossu offiż.  Però dawk li jdejjaqhom il-kliem ħażin waqt xi dramm, ma jistax iħossu offiż għax issa bil-liġi għandna l-libertà tal-espressjoni. Għax pajjiżna mill-aktar progressiv u għal dan xi wħud jifirħu!  Infakkarkom fil-liġi li l-Parlament tagħna għadda fl-2016, fejn kulħadd għandu d-dritt ikasbar lir-reliġjon u joffendi s-sentimenti reliġjużi tal-oħrajn, imma mbagħad ma tistax toffendi lil min ma jemminx jew lil min ma jħaddanx twemmin reliġjuż. B’din il-liġi ma nistgħux nesponu fil-pubbliku simboli reliġjużi bħal kurċifissi, statwi fit-twieqi tagħna. Għandi nifhem u nittama li sejjer żball li anki din il-liġi jekk tibqa’ kif inhi, se tolqot lil dawk li tant jiddedikaw ħin għall-armar tal-festa, fil-pjazez u t-toroq tagħna fi żmien il-festa.  Dan kollu jagħti s-saħħa lil min iħossu offiż, u jista jħarrikni jekk fi żmien il-festa noħroġ lil Santa Marija fit-tieqa tad-dar.

    B’ din il-liġi, kull min jemmen se jiġi ppersegwitat.  Ippersegwitat f’ isem  il-libertà u l-ugwaljanza. Jien xorta għadni bit-tama li l-Gvern jirranġa dan l-abbozz ta’ liġi. Il-liġi kif inhi hija inġusta u tiddiskrimina kontra l-knisja, u kontrina li nemmnu fit-tagħlim tagħha u f’Ġesu. Din il-liġi jekk tibqa’ kif inhi, hija liġi mimlija perikli.

    Ma nistax nifhem x’ugwaljanza din, li biex ingawdi d-drittijiet tiegħi, irrid bilfors neqred id-drittijiet tal-oħrajn. L-istess għamlu n-Nazisti mal-Lhud.  L-istess għamlu partiti korrotti fid-dinja. L-istess qed jiġri bħalissa fl-Indja, lill-Misilmin u lill-Insara.  Il-libertà u l-ugwaljanza sseħħ meta l-bniedem ikun HU, meta ħadd ma jikkundannah għal dak li jemmen, meta nirrispettaw lid-divers u d-differenti u nwaqqfu meta naraw ix -xafra tal-moħriet sejra fid-direzzjoni tal-minoranzi, fid-direzzjoni ta’ min ma jemminx bħali, fid-direzzjoni ta’ min hu differenti minni. Għax fil-ħajja ħadd ma jieħu post ħadd, u kulħadd UNIKU!